Wednesday, December 3, 2025

Il-Qorti tqis li r-raġunijiet ta’ Jeremy Harbinson sabiex ma jixhidx huma fil-parti kbira tagħhom infondati

Aqra wkoll

Il-Qorti tqis li r-raġunijiet li qiegħed isemmi l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson sabiex ma jixhidx, inkluż dik li qed jibża’ mis-sigurtà tiegħu jekk jiġi Malta, huma fil-parti kbira tagħhom infondati. Il-Qorti tqis ukoll li dawn ir-raġunijiet fl-ebda mod ma jżommu lil Harbinson milli jixhed u lanqas jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu li ma jixhidx. Dan intqal mill-Maġistrat Lara Lanfranco f’digriet mogħti dalgħodu meta kompliet tinstema’ l-kawża kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u numru ta’ persuni oħra b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.

Fl-istess ħin, il-Maġistrat Lafranco qalet li la darba l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali permezz ta’ ittri rogatorji talab li Harbinson jixhed b’mod awdjoviżiv minn Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq, jekk hemm provvedimenti li jistgħu jittieħdu kontrih minħabba li qed jibqa’ jirrifjuta illi jixhed, dawn jistgħu jittieħdu biss mill-Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq u mhux mill-Qorti Maltija.

Fuq din il-bażi, il-Magistrat Lafranco kkonkludiet illi l-Qorti Maltija hija prekluża milli tordna li jittieħdu passi kontra l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals. Hija wkoll prekluża milli ssib lix-xhud ħati ta’ disprezz u li timmultah jew li tordna li jigi akkumpanjat mill-pulizija sabiex jixhed ġaladarba huwa jkun f’Malta.

Il-Qorti ordnat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jistabbilixxi mill-iktar fis jekk kienx hemm seduta li giet iffissata mill-Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq sabiex tinstema x-xhieda ta’ Jeremy Harbinson. U dan bil-għan li jekk ġiet iffissata seduta, jiġi stabbilit jekk ittiħdux provedimenti kontrih.

L-Avukat Vince Galea li qed jidher f’isem Joseph Muscat, talab lill-Qorti biex timponi terminu ta’ żmien li fih isir dan l-eżercizzju mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalu li ma jistgħux jintrabtu bi żmien għaliex l-ewwel irid ikollhom f’idejhom kopja tad-digriet mogħti dalgħodu maqlub għal-lingwa Ingliża. Il-Maġistrat Lanfranco tat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tliet xhur żmien minn meta jasal għandhom id-digriet bil-lingwa Ingliża, sabiex jaħdmu fuq dak li hija rabtithom bih fid-digriet tagħha.

Fis-seduta ta’ dalgħodu, xehed ukoll l-Avukat Shaun Scerri Decaro mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Huwa informa lill-Qorti illi b’referenza għal talba li saret mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-awtoritajiet Amerikani wieġbu li jridu jkunu jafu dwar liema kontijiet qed issir it-talba u kif dawn huma rilevanti għall-kawża quddiem il-Qorti. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ngħata sas-17 ta’ Diċembru sabiex iwieġeb. 

L-Avukat Vince Galea qal li t-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali lill-awtoritajiet Amerikani hija biss fishing expedition, l-istess kif kien ġara meta għamlu talba simili lill-awtoritajiet Żvizzeri u dawn wieġbu li t-talba kellha tkun iktar speċifika. Dan għandu biss il-ħsieb li jitwalu l-proċeduri fil-Qorti. 

Il-Maġistrat Lanfranco qalet li se tagħti digriet fuq dan wara li tkun rċeviet is-sottomissjonijiet mill-Avukati tad-difiza. 

Is-seduta li jmiss se ssir il-Ħamis 11 ta’ Diċembru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport