Tuesday, May 21, 2024

Il-Qorti urtata b’okkażjonijiet fejn l-imputati ma jinġibux fil-ħin għall-kawża tagħhom

Id-Direttur tal-Ħabs mitlub jagħti spjegazzjoni għalfejn Fabian Eliuth ma nġabx fil-ħin tal-kawża tal-lum

Aqra wkoll

Sadanittant, fil-bidu tas-seduta, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, innotat li l-kawża kienet appuntata għal 11.45 a.m. u l-imputat ġie notifikat għal dak il-ħin iżda meta l-istaff tal-Qorti ċemplu fejn ikunu miżmuma l-imputati taħt arrest, il-Qorti ġiet infurmata li l-imputat ma nġabx. Konsegwentement, il-Qorti, il-Prosekuzzjoni u d-Difiża kellhom joqogħdu jistennew sabiex l-imputat jinġab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bil-konsegwenza li s-smigħ tal-kawża beda fis-2.30 p.m.

Fuq domanda tal-Qorti, l-imputat informa illi fil-jum ta’ qabel stess huwa kien ikkomunika mal-gwardjan tal-ħabs li kellu s-smigħ tal-Qorti iżda ġie mgħarraf illi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma kellha l-ebda informazzjoni dwar dan. Hawn il-Qorti saħqet li qed ikun hemm varji okkażjonijiet fejn l-imputati ma jinġabux fil-ħin għas-smigħ tal-kawża tagħhom u minkejja l-verbali f’dan is-sens mill-Qorti fuq medda ta’ żmien ma sar xejn min-naħa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex inċidenti bħal dawn ma jibqgħux jirrepetu ruħhom.

“Dan huwa t-tieni każ f’medda ta’ ħamest ijiem fejn imputat ma nġabx għas-smigħ tal-kawża quddiem din il-Qorti u f’dan il-każ, din il-Qorti kellha tipposponi l-ħin tas-smigħ tal-kawża. Dan ukoll in vista tal-fatt illi fil-ħin appuntat għas-smigħ, id-Difiża opponiet bis-sħiħ għal din is-sitwazzjoni kif ukoll l-Avukat Ġenerali ddikjara li jrid jagħmel verbal dwar din is-sitwazzjoni,” qalet il-Maġistrat Vella. 

Il-Qorti għalhekk stiednet lill-istess partijiet biex huma wkoll jgħaddu għall-verbal li kienu ddikjaraw li se jagħmlu u li l-Qorti ma ppermettiex minħabba n-nuqqas ta’ preżenza tal-imputat fil-ħin li kienet appuntata l-kawża.

L-Avukat Ġenerali esprima x-xewqa li jagħmel verbal iżda limitatament għall-eventwalità li fiha l-imputat ma jkunx inġab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin quddiem din il-Qorti. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali qal li jrid jivverbalizza biss li l-imputat kien debitatament notifikat għas-seduta tal-lum u li x-xhieda kienu ġew imħarrkin kemm għal din is-seduta kif ukoll għas-seduta tal-25 ta’ Jannar.

Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li tħossha aggravata bil-fatt li l-imputat f’kawża ta’ ċertu portata ma nġabx il-Qorti fil-ħin. B’konsegwenza ta’ dan, issolleċita lil din il-Qorti biex tikkomunika mal-awtorità tal-ħabs sabiex tassigura li dan ma jerġax iseħħ. Irrimarkat ukoll li l-preġudizzju jsofruh mhux biss il-partijiet fil-kawża u l-Qorti imma anke x-xhieda li jirdu jiskontaw sigħat twal jistennew fil-kurituri tal-Qorti.

Il-Qorti għamlitha ċara li l-imputat ilbieraħ inġab biss għal din is-seduta fuq inizjattiva tal-Qorti stess u wara li l-istaff tal-Qorti ġie infurmat illi l-imputat ma nġabx il-Qorti. Il-Qorti ordnat komunika lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex fis-seduta li jmiss ikun preżenti u jagħti spjegazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet illi sfortunatament qed ikunu spissi min-naħa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’diversi proċeduri kriminali inkluż dik tal-lum.

Sport