Is-sena li għadha kemm intemmet kienet waħda pożittiva u rekord fuq diversi aspetti għall-Qrati ta’ Malta, hekk kif sas-26 ta’ Diċembru ġew deċiżi aktar kawżi minn dawk li daħlu kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak kriminali.
Dan wassal għal tnaqqis konsiderevoli fil-kawżi pendenti u kkonfermat titjib fl-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja Maltija, b’operat li qed juri progress notevoli fil-kapaċità li jlaħħaq mad-domanda u tnaqqis fl-akkumulazzjoni ta’ kawżi f’dawn l-aħħar snin.
Fil-qasam ċivili, l-istatistika miksuba minn dan il-ġurnal turi li matul is-sena 2025 ġew irreġistrati 6,078 kawża ġdida filwaqt li ġew deċiżi 6,448 kawża, li jirriżulta f’clearance rate globali ta’ madwar 106 fil-mija u tnaqqis nett ta’ 370 kawża pendenti. Il-qrati kollha rreġistraw livelli ta’ produttività b’saħħithom, bil-Qorti tal-Appell Superjuri tikseb prestazzjoni eċċellenti, filwaqt li l-Qorti tal-Appell Inferjuri u l-Qorti Ċivili Prim’Awla żammew bilanċ stabbli bejn il-kawżi introdotti u dawk deċiżi, minkejja l-volumi għoljin ta’ xogħol.
Anke l-qrati u t-tribunali l-oħra kkontribwew b’mod dirett fit-tnaqqis tal-kawżi pendenti u dan hekk kif il-Qorti tal-Maġistrati Ċivili, ir-Rent Regulation Board u l-Land Arbitration Board irreġistraw clearance rates ferm pożittivi. Fil-qasam tal-familja, il-Qorti tal-Familja żammet stabbiltà matul is-sena, bis-servizz tal-medjazzjoni jkompli juri l-effettività tiegħu permezz ta’ volum għoli ta’ kawżi riżolti, filwaqt li l-każijiet ta’ separazzjoni kellhom riżultati pożittivi, filwaqt li d-divorzji baqgħu prattikament bilanċjati.
Fil-qasam kriminali wkoll intlaħaq progress qawwi, b’mod partikolari fl-inkjesti maġisterjali fejn ġew deċiżi aktar minn darbtejn ta’ dawk introdotti, b’1,580 inkjesta deċiżi kontra 724 ġodda. Fl-appelli inferjuri ġew deċiżi 314-il każ kontra 269 appell introdott, filwaqt li fil-kumpilazzjonijiet normali u dawk relatati mad-droga, il-qrati żammew kontroll fuq volumi għoljin b’rata ta’ deċiżjoni ta’ madwar 93 fil-mija.
“Filwaqt li nagħrfu li fadal ħafna aktar xi jsir, ninnotaw b’sodisfazzjoni li r-riformi leġislattivi, l-investiment bla preċedent l-investiment bla preċedent fir-riżorsa umana u fl-infrastruttura, kemm dik fiżika kif ukoll diġitali, diġà bdew iħallu frott. Ir-riformi leġislattivi ambizzjużi, l-allokazzjoni ta’ maġistrati inkwerenti dedikati, sal-ħolqien ta’ spazji separati iżda strateġikament fl-akwati tal-binja prinċipali, kienu passi sinfikanti u fundamenti għal sistema ta’ ġustizzja moderna u effiċjenti. Dan il-proċess riformattiva ma jistax jieqaf hawn: se nkomplu ninvestu b’kuraġġ u b’viżjoni fit-teknoloġija, fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani biex nibnu ġustizzja li ma tkunx biss aktar effiċjenti, iżda aktar effettiva u qrib il-bżonnijiet tal-poplu tagħna. Il-mira tagħna hi waħda: sistema li tispira fiduċja, li tħares id-drittijiet u li tpoġġi ċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-proċess.” sostna l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard.
Is-sena 2025 kienet ukoll sena rekord għan-numru ta’ ġurijiet li saru, l-ogħla rata fl-aħħar 15-il sena, b’ġurijiet ta’ profil għoli li kienu impenjattivi u estensivi, fosthom dawk dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop u ġuri ta’ qtil doppju li dam għaddej madwar sitt ġimgħat. Dawn il-proċeduri kkonfermaw il-kapaċità tal-Qrati li jimmaniġġjaw kawżi kumplessi mingħajr ma jnaqqsu l-effiċjenza ġenerali tas-sistema.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Dr Vanessa Grech spjegat li b’ħarsa ’l quddiem lejn l-2026, il-Qrati ta’ Malta qed jiffokaw fuq il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni, aktar investimenti fl-infrastruttura u l-ħolqien ta’ spazji ġodda, kif ukoll it-tisħiħ tas-servizzi tal-HelpDesk u l-helpline biex iċ-ċittadin jinqeda b’mod aktar faċli u effettiv.
“B’dawn l-inizjattivi, il-qrati qed jimmiraw li jkomplu jsaħħu l-effiċjenza tagħhom u joffru servizz aktar modern, aċċessibbli u sostenibbli lil kull min juża s-sistema tal-ġustizzja”, temmet Dr Grech.




