Friday, June 20, 2025

Il-qtil makabru ta’ tarbija u omm fl-Italja

Iċ-ċkejkna Andromeda rrapportata li twieled f’Malta ftit tax-xhur ilu

Aqra wkoll

It-tifla ta’ ftit xhur li ħmistax ilu nstabet mejta flimkien mal-kadavru ta’ ommha fi ġnien f’Ruma, l-Italja, kien jisimha Andromeda u skont rapporti, din twieldet f’Malta ftit tax-xhur ilu. Skont dak li qalu l-awtoritajiet Taljani, din il-vittma ċkejkna “mietet fil-bidu ta’ dan ix-xahar probabbilment mgħallqa”.

F’rapporti mill-midja Taljana ngħad li l-istorja traġika ta’ din it-tarbija qiegħda tħawwad lill-investigaturi. Dan hekk kif il-ġenituri tagħha kienu ilhom ftit li ġew jgħixu f’Malta. L-omm, li s’issa għadha ma ġietx identifikata, instabet mejta f’borża sewda ftit metri bogħod minn bintha f’wieħed mill-aktar ġonna pubbliċi sbieħ ta’ Ruma – fil-park ta’ Villa Pamphilj.

Jingħad li Andromeda twieldet ftit xhur ilu fil-Belt Valletta iżda ma ġiet irreġistrata fl-ebda sptar Malti, la hija u lanqas ommha. Minħabba f’hekk l-awtoritajiet mhumiex jeskludu l-possibbiltà li l-ħlas seħħ f’xi residenza.

Dwar l-omm huwa rrapportat li din kienet tuża l-isem Stella, kellha 29 sena, bjonda u għajnejn ċari. Skont xhieda hija kienet taħdem fis-settur tal-informatika u kienet titkellem bir-Russu. Proprju minħabba dan l-aħħar dettall, l-ambaxxata Russa hija rrapportata li qiegħda tikkopera mal-awtoritajiet Taljani fl-investigazzjoni ta’ dan il-każ makabru.

Sadanittant, il-persuna li ppreżentat ruħha bħala missier taċ-ċkejkna Andromeda ġie miżmum mill-Pulizija fil-Greċja. L-isem li uża biex jidħol f’pajjiżna u fl-Italja kien Rexal Ford iżda fuq id-dokumenti uffiċjali huwa mniżżel bħala Francis Kaufmann.

Il-qtil ta’ omm u bint … xeni makabri fi ġnien pubbliku

Il-ġisem tat-tarbija u dak t’ommha nstabu minn persuni li kienu fl-inħawi. L-awtoritajiet Taljani qalu li l-każ huwa ta’ gravità kbira u krudeltà rari speċjalment meta wieħed iqis li t-tarbija kien għad kellha ftit tax-xhur biss.

Il-każ traġiku ta’ Andromeda u ommha Stella għadu taħt investigazzjoni intensiva hekk kif xejn għadu m’hu ċar. Il-Pulizija Taljana qiegħda tagħmel pressjoni fuq awtoritajiet internazzjonali għall-koperazzjoni fosthom lill-FBI u lill-Ambaxxata Russa.

Il-mistoqsijiet huma ħafna fosthom, min kienet fil-verità Stella? Għaliex Andromeda, it-tarbija li qatt ma kellha ċ-ċans li tikber, inqatlet ukoll? Min qatilha u għaliex kienu f’Malta?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport