Thursday, June 19, 2025

Il-qtil ta’ Maria s-Sewda – il-prostituta magħrufa għal karità …

- l-akkużat kien intbagħat fi sptar mentali fl-Istati Uniti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-qtil ta’ Maria Grech, magħrufa bħala ‘Marija s-Sewda” kien qajjem kontroversja sħiħa f’Malta fost il-poplu peress li Grech, li kienet prostituta u magħrufa għall-karità li kienet tagħmel, kienet sfat maqtula fil-banju tad-dar tagħha fi Triq Fontana l-Belt. Bħal dan iż-żmien ħamsin sena kien sar magħruf li dak li kien akkużat bil-qtil, Hustone Eugene Featherstone Jn, kien intbagħat lejn l-Istati Uniti b’kundizzjoni li jinżamm fi sptar mentali.

Rapport imxandar fil-ġurnal L-ORIZZONT kien intqal li “dak iż-zmien kienu inkitbu ukoll bosta kitbiet ma’ ħitan fil-Belt kontra l-baħrin Amerikani. Featherstone Jnr, kien tressaq il-Qorti xi jiem wara mis-Supretendent  R Rizzo Bamber u l-kumpilazzjoni kienet bdiet tinstema’ quddiem il-Maġistrat Dr G. Refalo. Il-baħri Amerikan li kien mgħejjun minn Dr V Scerri (illum Imħallef) u Lt Commander D. A Babler u Lt Commander J.A Studer u mill-Judge Advocate Corp qatt ma kien ammetta li qatilha”.

Ir-rapport kien qal li “ftit jiem wara li bdiet il-kumpilazzjoni, psikjatri Maltin u Amerikani  kienu rrappurtaw fil-Qorti li Featherstone ma setax jgħaddi ġuri peress li kien marid mentalment. Minħabba f’hekk, il-Qorti kienet bagħtitu l-Isptar Monte Carmeli taħt il-ħarsien mediku tal-psikjatri.  Jingħad li l-kopja ta’ l-inkartament kienu intbagħtu l-Istati Uniti.”

Kien ingħad li “Featherstone dam l-Isptar Monte Carmeli kważi ħames snin. Hu kien miżżewweġ u kellu tifla u kienu jgħixu f’Pittsburgh, l-Istati Uniți.  Jingħad li kemm dam f’Malta hu kien jikkorrispondi regolarment mal-familja tiegħu.  Hu mifhum li fl-Isptar Monte Carmeli, Featherstone kien kwiet ħafna. Kien ossessjonat li jibblakka ż-żarbun il-ħin kollu, idoqq b’biċċiet tal-injam ma’ l-art, ikanta, jitkellem waħda u jqassam minn dak li kienet tibagħtlu l-familja tiegħu u li kien jwassluhomlu uffiċjali ta’ l-Ambaxxata ta’ l-Istati Uniti f’Malta Jingħad ukoll li fl-Isptar hu dejjem ċaħad li kien hu li qatel lil Marija s-Sewda.”

Kundizzjonijiet

Ir-rapport kien qal li “hu mifhum li minn mindu Featherstone intbagħat  l-Isptar Monte Carmeli, membri tal-familja tiegħu fl-Istati Uniti kien għamlu  bosta talbiet lill-Gvern Amerikan biet jintervjeni ħalli jintbagħat lura l-Istati Uniti fejn il-familja tiegħu.   Jingħad ukoll li sentejn ilu d-Defence Attaché Amerikan f’Malta, Cape Candrich, kien talab lill-Prim Ministru Malti biex jagħti permess lil Featherstone jitħalla jmur l-Istati Uniti fi sptar mentali. Kien ġie Malta ukoll Lt Commander Studer mill-Qawwa Navali tal-Istati Uniti fejn kellu diskussjonijiet ma’ l-ambaxxatur Amerikan f’Malta, John Ives Getz dwar il-ħruġ ta’ Featherstone minn Malta.  Jingħad ukoll li l-Prim Ministru dak iż-żmien ma’ kienx aċċetta din it-talba u Featherstone baqa’ l-isptar.  Hu mifhum li t-tluq ta’ dan il-baħri  sar taħt kundizzjonijiet mill-aktar iebsin. Infatti barra li kien eskortat il-ħin kollu hu ma setax jinżel minn fuq l-ajruplan f’kull waqfa li saret u anke meta kien hemm xi dewmien f’xi ajruport, barra minn Malta.”

Kien intqal li “l-ħelsien tiegħu jingħad ukoll li sar b’kumbinazzjoni li f’pajjiżu hu jibqa’ jgħix fi sptar mentali għalkemm hemmhekk hu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Gvern tiegħu. Osservaturi militari qalu llum li Featherstone bħal issa għadu taħt il-kontroll  tal-Qawwa Navali Amerikana peress li hu ma jistax jitkeċċa mill-Qawwa Navali tal-Istati Uniti. Kelliemi għall-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta u uffiċjali tal-Gvern ma ridux jikkummentaw”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport