Il-każ tal-qtil ta’ Nicolette Ghirxi ngħata prominenza fil-midja barranija. Dan wara li sar magħruf li l-allegat qattiel kien Edward Jonhnston ta’ 50 sena minn Dublin. Ir-raġel Irlandiż inqatel b’tiri mill-pulizija f’Malta, it-Tnejn filgħodu, wara li allegatament qatel lill-eks sieħba tiegħu.
Il-gazzetta Irish Times irrappurtat li l-koppja Ghirxi u Johnston kienu f’relazzjoni, li kienet falliet. Irrappurtat li Johnston kien ilu jiffastidja lil Nicolette Ghirxi fuq il-midja soċjali għal dawn l-aħħar xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni tagħhom.
Skont ma rrappurtat l-Irish Times, Johnston kien arrestat mill-pulizija fir-Renju Unit fi Frar tal-2012 wara li beda jxejjer replika ta’ arma tan-nar fiċ-ċentru tal-belt ta’ Liverpool waqt li kien fis-sakra.
Ġimgħa wara daħal f’ristorant Taljan fi Glasgow, l-Iskozja u sostna li kellu bomba. Waqt in-negozjati mal-pulizija, Johnston ripetutament qal li ried li l-pulizija jisparawlu u joqtluh. Iktar tard kien ingħata sentenza ta’ ħabs għal 28 xahar.
Il-gazzetta sostniet li Johnson, missier ta’ tifel, kien għex Malta, l-Iskozja u l-Irlanda f’dawn l-aħħar snin. Ħadem fin-negozju tal-istokks online u rreklama korsijiet ta’ taħriġ fis-suq tal-istokks. Huwa kellu bosta segwaċi fuq diversi siti tal-midja soċjali, taħt l-isem falz ta’ Edwardo Sambora fejn kien joffri pariri dwar is-suq tal-istokks.
Ġurnal ieħor, Irish Examinar min-naħa tiegħu rrapporta li d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin Irlandiż qal li huwa konxju tal-każ u qed jipprovdi assistenza konsulari lill-familja ta’ Johnston.
Is-sit RTE.ie ukoll ta’ prominenza lid-delitt f’Birkirkara li allegatament twettaq minn Edward Johnston. Dan is-sit filwaqt li qal li Johnston ittanta jassalta uffiċjal tal-pulizija qabel inqatel, ingħata trattament mediku mmedjat fuq il-post iżda miet ftit tal-ħin wara.