Sunday, December 22, 2024

Il-qtil ta’ tmint itfal fi skola fis-Serbja kien ippjanat “sa minn ġimgħat qabel”

Aqra wkoll

Il-ġuvnott li qatel tmint itfal u gwardjan tas-sigurtà fi skola Serbja allegatament kien ilu li ppjana l-attakk sa minn ġimgħat qabel u kelli “lista ta’ min ried joqtol”.

Is-suspettat, li għandu 13-il sena, ġie arrestat wara l-attakk li seħħ l-Erbgħa filgħodu fl-iskola primarja ta’ Vladislav Ribnikar fiċ-ċentru ta’ Belgrad.

Fl-isparatura weġġgħu wkoll sitt studenti oħra u anke għalliem. Il-Pulizija qalet li l-motiv wara dan l-attakk għadu qed jiġi investigat.

Uffiċjali tal-pulizija libsin ilbies protettiv ippreservaw iż-żona fejn seħħ id-delitt, li tinsab fil-viċinat ċentrali ta’ Vracar, ftit wara d-8.40 a.m.

Is-suspettat huwa allegat li uża l-armi ta’ missieru, li kellhom permessi legali. Jingħad ukoll li huwa kien mar f’shooting range aktar minn darba ma’ missieru qabel seħħ il-qtil. Minn dakinhar li seħħ id-delitt, kemm l-omm kif ukoll missier it-tifel ġew arrestati.

F’indirizz lin-nazzjon, il-President Aleksandar Vucic iddeskriva l-attakk bħala “l-aktar jum diffiċli fl-istorja moderna ta’ pajjiżna.”

Huwa qal li s-suspettat se jintbagħat fi klinika psikjatrika. Skont il-liġi attwali fis-Serbja, huwa ma jistax jinżamm kriminalment responsabbli peress li għandu inqas minn 14-il sena.

Wara l-qtil, Vucic issuġġerixxa wkoll li l-età ta’ responsabbiltà kriminali tista’ titnaqqas għal 12-il sena. Huwa ppropona diversi riformi oħra fosthom verifika fuq il-liċenzji ta’ armi tan-nar u regoli aktar stretti dwar min jista’ jaċċess r-ranges tal-isparar.

Il-Pulizija qalet li s-suspettat kien ippjana l-attakk xahar qabel u li kien iġorr “lista ta’ prijorità” ta’ tfal li kienu fil-mira tiegħu u f’liema klassijiet kellu jidħol l-ewwel.

Ħafna mill-vittmi twieldu fl-2009 – jiġifieri kellhom bejn 13 u 14-il sena fiż-żmien meta seħħ l-inċident. Sadanittant, wara dan l-attakk, tħabbar perjodu ta’ tlitt ijiem ta’ luttu nazzjonali fil-pajjiż, li jibda mill-Ġimgħa.

Ekonomija

Sport