Monday, September 15, 2025

Il-qtil tal-qtates f’Tas-Sliema … L-akkużat jgħid li kellu trobbija diffiċli u li “kien biss meta l-qtates attakkawh” li sar vjolenti

Aqra wkoll

Il-Ġappuniż li ammetta fil-Qorti li qatel diversi qtates f’Tas-Sliema, qal lill-uffiċjali tal-probation li huwa kien irreaġixxa b’mod vjolenti għaliex skontu kienu l-qtates li attakkawh waqt li kien qed jitmagħhom u sostna li hu qatt ma ried joqtolhom. 

Okamura Satoshi ta’ 31 sena kien arrestat fl-1 t’Awwissu li għadda wara sorveljanza tal-pulizija u identifikazzjoni permezz ta’ deskrizzjonijiet u anke minn filmati tas-CCTV. Huwa kien tressaq fil-Qorti l-għada fejn wieġeb ħati għall-akkużi ta’ moħqrija u qtil tal-annimali. 

Fis-seduta tal-lum, quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, ġie ppreżentat ir-rapport tal-uffiċjal tal-probation fejn ġie rrimarkat li l-imputat m’għandux rekord kriminali f’Malta, il-Ġappun jew fir-Renju Unit fejn għex preċedentement. 

Fil-Qorti nstema’ wkoll kif l-imputat kien trabba f’ambjent diffiċli, immarkat minn pressjoni akkademika kbira u abbuż verbali minn missieru, fatturi li sostna li kkontribwew għal xi reazzjonijiet vjolenti. L-istat tiegħu ta’ saħħa mentali ġie nnotat bħala ta’ tħassib, u matul il-proċess ħareġ ukoll li hu kien segwit minn professjonist f’dan il-qasam.

Intant, id-Difiża sostniet li jekk se tingħata piena ta’ ħabs, din għandha tkun akkumpanjata minn terapija. 

Il-każ ikompli fit-30 ta’ Settembru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport