Wednesday, December 24, 2025

“Il-Quws” ikkundannat 3 snin ħabs dwar sparatura fl-Isla

Aqra wkoll

Melvin Debono, ta’ 34 sena magħruf bħala l-Quws, residenti Raħal Ġdid ġie kkundannat 3 snin priġunerija wara li nstab ħati  li spara viċin ir-residenza fl-Isla fejn omm it-tfal tiegħu tgħix man-nanniet tagħha.

Hu kien mixli mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Audrey Micallef li wettaq dan ir-reat fil-11 ta’ Ottubru 2020, għall-ħabta tad-9.00 p.m.

Fost dawk li xehdu fil-proċeduri kien hemm in-nanna tal-imputat li qal li rat lil Debono jfajjar daqqa lejn in-neputija imma mhux ċerta laqathiex.

Kompliet tixhed li n-neputija telqet tiġri ’l barra u meta niżlet tara fejn qiegħda xi nies qalulha li semgħu ħoss ta’ sparatura. Xehdet li wara dan l-inċident  għamlet 3 ijiem ma tarax lin-neputija.

Min-naħa tiegħu n-nannu tal-vittma xehed li kien sema xi storbju barra u ħareġ jittawwal mill-gallerija u ra lill-akkużat ixejjer idu lejn in-neputija imma wkoll ma jafx laqathiex jew le.

Fl-istess proċeduri xehdet ukoll il-vittma fejn spjegat li wara li marret tixtri ma’ ħabiba tagħha rritornat id-dar u nannitha qaltilha li kien ġie Debono.

Wara li ħalliet it-tfal id-dar kienet sejra lura lejn ħabibtha meta rat lill-akkużat li kien irrabjat u beda jxejjer idejh. Qalet li ħarbet lejn il-knisja tal-Isla u ma sofriet ebda ġrieħi.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li rriżulta li fuq il-post instab skartoċċ kif ukoll kien hemm brix mal-faċċata tar-residenza fl-Isla u qalet li dawn jindikaw li din intlaqtet minn tir.

Żiedet li fil-fehma tagħha l-akkużat spara arma tan-nar viċin ir-residenza u għalhekk sabitu ħati tal-isparatura u li kellu armi mingħajr liċenzja.

Kien għalhekk li kkundannatu 3 snin ħabs, multa ta’ €5,000, ordnatlu jħallas ftit iktar minn €4,000 fi spejjeż tal-Qorti b’rabta mal-każ u ordnat il-konfiska tal-arma li nstabitlu.l

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport