Tuesday, February 11, 2025

“Il-Quws” jitressaq il-Qorti dwar inċident li fih weġġgħu 2 Pulizija

Aqra wkoll

Raġel mixli li kkawża inċident f’Ħal Tarxien waqt li kien qiegħed jaħrab mill-pulizija, allegatament ħebb għas-sieħba tiegħu fil-pubbliku.

L-Uffiċjal Prosekutur spjega fil-Qorti li Melvin Debono ta’ 33 sena kien inqabad mill-filmati tas-CCTV f’bar fiż-Żurrieq iħebb għas-sieħba għall-ħabta tal-11.00 p.m. u mbagħad jiġġieled ma’ persuni oħra. Huwa kellu jkun id-dar dak il-ħin.

Debono, magħruf bħala l-Quws, qed jiffaċċja xejn inqas minn 15-il akkuża b’rabta ma’ dan l-inċident li seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Huwa kien mixli b’sewqan negliġenti jew traskurat, li kkawża ġrieħi ħfief fuq is-sieħba, li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li kisret ħames settijiet ta’ kundizzjonijiet relatati mal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Huwa tressaq fil-Qorti llum fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-Prosekuzzjoni xlietu wkoll li kiser ordni ta’ probation imposta fuqu l-ġimgħa li għaddiet.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-Pulizija ġew infurmati dwar ġlieda fiż-Żurrieq. Meta l-pulizija marru fuq il-post, għall-ħabta tas-1.30 a.m. tal-Ħadd, il-pulizija kienet għarfet il-karozza tal-għamla BMW ta’ Debono.

Peress li kienu jafu li Debono ma kellux ikun barra wara s-6.00 p.m., l-uffiċjali marru biex iwaqqfu l-vettura. Madanakollu, il-karozza saqet minn fuq il-post b’veloċità għolja, bil-pulizija ssegwi din l-istess karozza.

Malli waslu fi Triq is-Sorijiet, Ħal Tarxien, il-vettura tal-Korp kienet involuta f’ħabta ma’ vettura tat-tip Fiat 500, misjuqa minn mara ta’ 25 sena residenti Ħal Tarxien. Iż-żewġ pulizija ttieħdu għal kura l-Isptar Mater Dei u ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi waqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfief.

Il-karozza BMW kienet telqet minn fuq il-post. L-Ispettur Mark Mercieca kien imbagħad sejjaħ għal Debono fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. L-imputat kien qal lill-pulizija li s-sieħba tiegħu kienet qiegħda ssuq il-karozza matul dak il-lejl.

Min-naħa tagħha, is-sieħba qalet lill-uffiċjali tal-pulizija li hija u Debono kellhom xi jgħidu f’dik il-lejla fiż-Żurrieq u wara kienet telqet minn fuq il-post. Qalet li ma kellha l-ebda għarfien dwar xi ġirja bil-karozzi mal-pulizija.

Minn analiżi tad-data tal-mobile ta’ Debono rriżulta li f’dak l-istess lejl, l-ewwel kien iż-Żurrieq u sussegwentement kien il-Birgu għall-ħabta tat-3.30 a.m.

Fil-kontro-eżami, il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-imputat kien mar minn jeddu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u li s-sieħba tiegħu ma ressqet ebda rapport kontrih.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fedina penali tal-imputat u l-ksur tal-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur is-sieħba tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Jeffrey Scicluna Briffa, John Leigh Howard u Kurt Farrugia.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport