Friday, February 6, 2026

Il-Teatru Manoel jippreżenta l-opra Falstaff ta’ Verdi

Aqra wkoll

Il-Teatru Manoel, f’kollaborazzjoni mal-Malta National Opera (MNO), jippreżenta Falstaff, l-opra komika ta’ Giuseppe Verdi, meqjusa bħala waħda mill-akbar kapolavuri tal-ġeneru operistiku li se tittella’ bejn it-22 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu li ġej u li tagħmel parti mill-programm artistiku tat-Teatru Manoel 2025/2026.

Il-libretto, miktub bit-Taljan minn Arrigo Boito, huwa ispirat minn xeni mid-drammi ta’ William Shakespeare; The Merry Wives of Windsor u Henry IV Parti 1 u 2. L-opra ntweriet għall-ewwel darba fid-9 ta’ Frar 1893 fit-Teatro La Scala f’Milan. Falstaff tirrakkonta l-istorja tal-kavallier Sir John Falstaff u l-attentati tiegħu biex jirbaħ l-imħabba ta’ żewġ nisa miżżewġin, bil-għan li jkollu aċċess għall-ġid ta’ żwieġhom. Din l-opra hija l-aħħar waħda li kiteb Verdi, li tul il-karriera straordinarja tiegħu ħoloq 26 opra. Hija wkoll it-tieni kummiedja tiegħu u t-tielet xogħol operistiku ispirat minn Shakespeare, wara Macbeth u Otello.

Din il-produzzjoni ġdida tippreżenta interpretazzjoni friska u viżivament dinamika, li tittrasporta l-azzjoni minn Windsor għal studio televiżiv tas-snin sittin taħt id-direzzjoni ta’ Barbara Diana u t-tmexxija mużikali ta’ Federico Tibone, b’kast internazzjonali ta’ livell għoli, fosthom il-bariton Kiril Manolov fir-rwol tat-titlu u t-tenur Malti ta’ fama internazzjonali Nico Darmanin.

Waqt konferenza tal-aħabijiet iċ-Chairman ta’ Teatru Manoel Dr Michael Grech tenna li “huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nilqagħkom fit-Teatru Manoel, ġawhra tal-kultura Maltija u wieħed mill-eqdem teatri li għadhom joperaw fl-Ewropa. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1732, dan it-teatru kien spazju fejn id-drama u l-mużika kienu u jibqgħu fil-qalba tal-ħajja kulturali tagħna. 

Illum, il-Manoel ikompli jġorr dan il-wirt mhux bħala relikwa tal-passat, iżda bħala istituzzjoni ħajja li tħaddan il-preżent. Fuq dan l-isfond storiku sinjur, nippreżentaw Falstaff, produzzjoni vibranti li tonora l-ġenju ta’ Verdi filwaqt li toffri esperjenza kontemporanja u aċċessibbli għall-udjenzi tal-lum. Bħala Chairman, jiena kburi li nkomplu ngħaqqdu lin-nies permezz tal-arti u niżguraw li l-opra tibqa’ parti ħajja u vitali mill-qalb kulturali Maltija.”

L-Ambaxxatriċi Taljana Valentina Setta qalet “li l-preżentazzjoni ta’ Falstaff fit-Teatru Manoel għandha valur simboliku profond. Din l-opra tirrappreżenta l-konklużjoni brillanti tal-karriera ta’ Giuseppe Verdi u, fl-istess ħin, ċelebrazzjoni tal-umanità, l-intelliġenza u l-umoriżmu.

Din is-sena tfakkar ukoll il-125 anniversarju mill-mewt ta’ Verdi, u toffrilna opportunità biex nirriflettu fuq l-influwenza dejjiema tiegħu fuq il-kultura Taljana u Ewropea. Il-kollaborazzjoni bejn l-Italja u Malta f’din il-produzzjoni hija eżempju ċar ta’ kif il-kultura tista’ sservi bħala pont ta’ djalogu u fehim reċiproku. Ninsab ċerta li din il-produzzjoni se toffri lill-udjenzi esperjenza mużikali u artistika tassew denja tal-wirt ta’ Verdi.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Manoel Adrian Mamo stqarr “li din hija t-tieni darba li Falstaff qed tittella’ fit-Teatru Manoel, wara l-produzzjoni tal-2007, u hija xhieda ċara tal-impenn kontinwu tagħna lejn l-opra bħala l-ogħla forma ta’ espressjoni teatrali. Din il-produzzjoni tiftaħ ukoll kapitlu ġdid fil-kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel u l-Malta National Opera, sensiela ta’ tliet opri bbażati fuq xogħlijiet ta’ Shakespeare. Falstaff illum, segwita minn Romeo et Juliette ta’ Charles Gounod u A Midsummer Night’s Dream ta’ Benjamin Britten fis-snin li ġejjin. Aħna nemmnu li dawn il-produzzjonijiet mhux biss jiċċelebraw il-wirt klassiku, iżda jkomplu jagħmluh rilevanti u vibranti għall-udjenzi tal-lum.”

It-tenur Malti Nico Darmanin qal “matul dawn l-aħħar snin komplejt insaħħaħ il-preżenza tiegħi fid-dinja tal-opra permezz ta’ produzzjonijiet internazzjonali, u dan wassalni biex naħdem sabiex jinħolqu strutturi li jqiegħdu lill-artisti Maltin fiċ-ċentru ta’ opportunitajiet ta’ livell internazzjonali. Wasal iż-żmien li l-artisti lokali jingħataw aċċess għal opportunitajiet li qabel forsi ma kinux jeżistu.”

Teatru Manoel jirringrazzja lill-BOV għall-appoġġ tagħhom f’din il-produzzjoni. Għal aktar informazzjoni dwar Falstaff żur www.teatrumanoel.mt

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport