Saturday, December 14, 2024

Il-UEFA ‘responsabbli’ għall-kaos qabel il-finali Liverpool v Real Madrid f’Pariġi

Aqra wkoll

Il-UEFA għandha “responsabbiltà primarja” għax-xeni kaotiċi li “kważi wasslu għal diżastru” qabel il-finali taċ-Champions League tas-sena l-oħra bejn Liverpool u Real Madrid, jgħid rapport indipendenti.

Il-partitarji ġew imdaħħla ġewwa u ntefagħlhom il-gass tad-dmugħ barra Stade de France ta’ Pariġi hekk kif il-bidu tal-logħba ġie ttardjat b’36 minuta.

“Huwa notevoli li ħadd ma tilef ħajtu,” qal ir-rapport, li l-UEFA kkummissjonat wara l-finali tat-28 ta’ Mejju.

L-awtoritajiet tal-UEFA u Franċiżi inizjalment taw tort lill-partitarji bla biljetti għall-avvenimenti.

Ir-rapport jgħid li m’hemm “l-ebda evidenza” li tappoġġja l-allegazzjonijiet “kundannabbli”.

“Il-panel ikkonkluda li l-UEFA, bħala sid tal-avveniment, għandha r-responsabbiltà primarja għal fallimenti li kważi wasslu għal diżastru,” qal ir-rapport.

“Il-partijiet interessati kollha intervistati mill-panel qab­lu li din is-sitwazzjoni għaddiet kważi bi żbrixx: terminu wżat meta avveniment kważi jinbidel f’katastrofi ta’ fatalità tal-massa.”

Filwaqt li qalet li kien hemm “tort kontributorju” minn kor­pi oħra – partikolarment il-pulizija Franċiża u l-Federaz­zjoni Franċiża tal-Football – is-sejbiet qalu li l-korp governattiv Ewropew ma kienx kompetenti.

“Il-UEFA kellha żżomm rwol ta’ monitoraġġ u sorveljanza ta’ sigurtà, biex tiżgura li kollox kien qed jaħdem. Ovvjament dan ma għamlitux,” żied ir-rapport.

Għal ħafna partitarji ta’ Liverpool, l-inċident u t-tentattiv sussegwenti ta’ attribuzzjoni ta’ tort fuq il-partitarji qajmu memorji koroh tad-diżastru ta’ Hillsborough.

Sebgħa u disgħin (97) partitarju ta’ Liverpool mietu b’riżultat tad-diżastru ta’ April 1989 fl-istadium ta’ Sheffield Wednesday, fejn il-partitarji sfaw mgħaffġa minħabba l-iffullar f’Leppings Lane End f’semi-finali tal-FA Cup kontra Nottingham Forest.

Wara l-pubblikazzjoni tar-reviżjoni fix-xeni ta’ Pariġi, il-UEFA skużat ruħha “sinċerament” għall-avvenimenti li seħħew. 

Hija qalet li se tħabbar ukoll “skema speċjali ta’ rifużjoni” għall-partitarji affettwati.

“B’mod partikolari, nixtieq niskuża ruħi mal-partitarji ta’ Liverpool,” qal is-segretarju ġenerali tal-UEFA, Theodore Theodoridis.

“Għall-esperjenzi li ħafna minnhom kellhom meta attendew il-logħba u għall-messaġġi maħruġa qabel u matulha, li kellhom l-effett li jwaħħluhom b’mod inġust għas-sitwaz­zjoni li wasslet għall-bidu ttardjat tal-logħba.”

Ekonomija

Sport