Il-UEFA se tirrifondi lill-partitarji ta’ Liverpool li kellhom biljetti għall-finali taċ-Champions League 2022 f’Pariġi.
Dan wara li rapport indipendenti li sab li l-Uefa għandha “responsabbiltà primarja” għax-xeni kaotiċi li kien hemm qabel il-logħba kontra Real Madrid.
Il-partitarji tar-Reds ġew attakkati mill-pulizija li xeħtulhom gass tad-dmugħ ħdejn l-entratura ta’ Stade De France fejn il-partita kellha tiġi ttardjata b’36 minuta.
Il-UEA qalet li l-iskema ta’ rifużjoni “tkopri l-allokazzjoni kollha tal-biljetti ta’ Liverpool għall-finali, jiġifieri 19,618 biljett”.
“Ħadna kont ta’ numru kbir ta’ fehmiet espressi kemm pubblikament kif ukoll privatament u nemmnu li ħsibna skema li hija komprensiva u ġusta,” qal is-segretarju ġenerali tal-Uefa, Theodore Theodoridis.
“Aħna napprezzaw il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-partitarji ta’ Liverpool, Spirit of Shankly u Liverpool Disabled Supporters Association, kif ukoll id-djalogu miftuħ u trasparenti matul dan il-perjodu.
“Aħna konxji mill-esperjenzi negattivi ta’ dawk il-partitarji dakinhar u b’din l-iskema ser nagħtu lura lill-partitarji li kienu xtraw il-biljetti u li kienu l-aktar milquta mid-diffikultajiet fl-aċċess għall-ground.”
Liverpool kienu wkoll parti mill-proċess biex jiksbu rifużjonijiet għall-partitarji tagħhom u, peress li l-partitarji xtraw biljetti mingħandhom direttament aktar milli UEFA, il-club se jamministra l-proċess.
L-Awtoritajiet tal-UFEA u dawk Franċiżi inizjalment taw tort lill-partitarji bla biljetti għal dak li ġara barra l-istadium.
Ir-rapport, li l-UEFA kkummissjonat wara l-finali tat-28 ta’ Mejju, qal li ma kien hemm “l-ebda evidenza” biex tappoġġja l-allegazzjonijiet “kundannabbli”.
Ir-rapport żied jgħid li “huwa notevoli li ħadd ma tilef ħajtu” u l-azzjoni kollettiva tal-partitarji ta’ Liverpool kienet “probabbilment strumentali” biex jiġu evitati “korrimenti u mwiet aktar serji” barra l-istadium.
Ir-rapport għamel 21 rakkomandazzjoni f’tentattiv biex jiżgura li “jsir dak kollu possibbli” biex jiġi evitat li kwalunkwe inċident simili jerġa’ jseħħ f’avveniment sportiv kbir.
Spirit of Shankly u Liverpool Disabled Supporters’ Association qalu li “laqgħu” r-rifużjoni “bla preċedent” mill-UEFA.
“B’wegħda li tirrimborsa lill-partitarji, il-UEFA ammettiet u rrikonoxxiet il-parti tagħhom f’dan il-fjask,” qalet stqarrija.
“Iżda ma tiskużax lill-UEFA u ma teżentahomx mill-kritika jew tnaqqas il-ħtieġa li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-inkjesta indipendenti.
“Se naħdmu flimkien ma’ Liverpool u nippubblikaw id-dettalji ladarba nkunu nafu kif u meta r-rifużjonijiet se jiġu pproċessati.”
Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp, li t-team tiegħu tilef 1-0 kontra Real Madrid fil-finali, qal li huwa “super importanti” li l-partitarji tal-club ġew eżonerati għas-sitwazzjoni li seħħet qabel il-logħba.