Il-UEFA sejħet lis-Super League Ewropew separat bħala “eżempju ta’ cartel” fl-ewwel jum tas-seduta ta’ jumejn fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
L-ESL tnieda bi 12-il club fl-2021 iżda sfaxxa fi żmien 72 siegħa wara li disgħa rtiraw fost protesti mill-partitarji u oppożizzjoni mill-korpi governattivi.
Barcelona, Juventus u Real Madrid irrifjutaw li jirrinunzjaw għall-ESL.
L-ESL jsostnu l-UEFA u l-FIFA kisru l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea billi mblukkaw il-ħolqien tiegħu.
L-avukat tiegħu, Miguel Odriozola, qal: “Għal bosta deċennji, l-UEFA ħakmet b’id tal-ħadid u għelbet lil kull club li jhedded il-monopolju tagħha.
“Ħadna fuqna nfusna li niddinunzjaw il-prattiċi tal-UEFA.”
Il-kwistjoni ġiet riferuta lill-ECJ minn qorti f’Madrid li ddeċidiet li l-UEFA m’għandhiex tikkastiga lit-tliet clubs li fadal fl-ESL.
L-avukat tal-UEFA, Donald Slater, qal lill-panel ta’ 15-il imħallef li l-kunċett ta’ kampjonat magħluq ta’ clubs sinjuri huwa “eżempju ta’ kartell ta’ ktieb ta’ test”.
“Kieku l-UEFA kienet imġiegħla tawtorizza kompetizzjoni magħluqa bħal din, kienu jitfaċċaw kampjonati magħluqa oħra, li jwasslu għal kollass sistemiku tal-mudell sportiv Ewropew,” żied jgħid.
Il-UEFA qalet ukoll li ma kien hemm l-ebda kunflitt ta’ interess fir-rwol tagħha bħala regolatur u anke bħala entità kummerċjali.
Fil-jum tal-ftuħ fil-Lussemburgu, saru wkoll sottomissjonijiet f’isem il-FIFA, La Liga u l-Federazzjoni Spanjola tal-Football kif ukoll minn 21 stat membru tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.
L-imħallfin kienu mistennija jagħmlu mistoqsijiet lill-partijiet differenti involuti l-bieraħ it-Tlieta meta ntemmet is-seduta.
L-avukat ġenerali fil-każ, li hu mniżżel bħala Athanasios Rantos mill-Greċja, se jipprovdi opinjoni bil-miktub dwar kif jemmen li l-qorti għandha taġixxi, iżda dan mhux mistenni sa Settembru qabel kwalunkwe deċiżjoni.
Deċiżjoni finali mhix mistennija qabel tmiem din is-sena jew saħansitra kmieni fl-2023.