Sunday, December 22, 2024

Il-UEFA tabbanduna pjani biex iddaħħal lura lit-timijiet Russi

Aqra wkoll

Il-UEFA abbandunat il-pjani kollha biex terġa’ ddaħħal  timijiet Russi ta’ Taħt is-17-il sena fil-Kampjonati Ewropej taż-żgħażagħ tas-sena d-dieħla.

Ix-xahar li għadda, il-korp governattiv tal-football Ewropew qal li kien qed jesplora kif jerġa’ jintegra t-team taż-żgħażagħ Russu fl-istruttura internazzjonali.

Il-UEFA kienet issospendiet lit-timijiet Russi kollha mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA wara l-invażjoni sħiħa tal-Ukrajna, fi Frar tal-2022.

Issa l-organizzazzjoni tgħid li biex issib mod kif jiġu integrati mill-ġdid it-timijiet ta’ taħt is-17-il sena tar-Russja, hija wisq diffiċli loġistikament.

“Ma setgħet tinstab l-ebda soluzzjoni teknika biex it-timijiet Russi jkunu jistgħu jilagħbu,” qal kelliem tal-UEFA, li żied li l-“punt tal-agenda ġie rtirat”.

Il-UEFA kienet sostniet li s-subien u l-bniet m’għandhomx jiġu kkastigati għall-azzjonijiet tal-adulti.

Iżda madwar 12-il assoċjazzjoni nazzjonali, inkluża l-FA Ingliża,  esprimew pubblikament l-oppożizzjoni tagħhom li jilagħbu kontra r-Russja li kieku  kellhom jiġu mtellgħin fil-poloz biex jilagħbu kontrihom, fit-tournament li se jsiru f’Ċipru (maskili) u fl-Isvevzja (femminili), fis-sena d-dieħa.  

“Meta nitkellmu bħala FA Ingliża, għamilna l-pożizzjoni tagħna ċara ħafna 18-il xahar ilu – mhux se nilagħbu  kontra r-Russja fl-ebda grupp ta’ età ta’ kategorija sakemm ikun hemm gwerra,” qalet il-president tal-FA, Debbie Hewitt, wara l-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv nhar it-Tlieta.

L-FA Ukrena, irringrazzjat lill-imsieħba Ewropej tagħha talli appoġġaw lill-Ukrajna.

”Il-futbol Russu jibqa’ iżolat, dak huwa fejn jappartjeni,” qalet l-FA Ukrena. 

Il-viċi-president tal-FA Ukrena, Vadym Kostyuchenko, qal: “Irridu nifhmu li dan jista’ ma jkunx l-aħħar tentattiv tar-Russja biex terġa’ tikseb il-pożizzjoni tagħha fl-arena internazzjonali tal-football.

“Għaldaqstant, aħna lesti, jekk meħtieġ, li nkomplu niġġieldu għat-tkomplija tal-iżolament tal-Federazzjoni Russa.”

Minbarra li twaqqaf lit-timijiet tagħha milli jipparteċipaw f’kompetizzjoni kontinentali, il-UEFA rrevokat ukoll id-drittijiet tar-Russja biex jorgannizaw il-finali tal-UEFA Champions League, fl-2022, u s-Super Cup Ewropea, l-2023, li kellhom jintlagħbu f’Saint Petersburg u Kazan rispettivament, kif ukoll ħassret il-kuntratt ta’ sponsors mal-ġgant tal-enerġija tal-istat, ‘Gazprom’.

Ekonomija

Sport