Jidher li-bidliet radikali li qegħdin iseħħu fil-Wasteserv u li qegħdin jagħtu l-frott taghom, tibdil li jikkonsisti kemm f’titjib fl-operat kif ukoll fil kundizzjonijiet tal-ħaddiema qegħdin jurtaw bi kbir lill-UHM Voice of the Workers.
Fost il-miżuri li qed taħdem fuqhom il-Wastserv hemm fost oħrajn ix-xiri ta’ kmamar mgħammra apposta biex lill-ħaddiema jipproteġuhom mill-elementi li ambjent bħal dak li jaħdmu fih jista’ jkollu wara li għal snin sħaħ tħallew għall-ħniena tal-elementi u tibdil fl-istrutturi sabiex il-management ikun iktar viċin tal-impjegati..
It-Taqsima Ospitalità u Ikel sostniet li tali tibdil jidher li qed jiġi miqugħ b’ottimizmu mill-ħaddiema iżda jidher li wieħed ma jistax jgħid l-istess għal UHM, Voice of the Workers
Ħaddiema li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li jinsabu ferm diżappuntati bl-aġir tal-UĦM fejn huma tal-opinjoni li dan l-aħħar l-aġir tal-UĦM wassal biex inħoloq diżgwit inutli.
L-istess ħaddiema enfasizzaw li “nistmerru l-fatt li kważi inqala’ paniku mal-haddiema meta il-UHM qaltilhom li setghu jitnaqqsulhom saħansitra il-pagi u il-kundizzjonijiet tagħhom’.
IT-TORĊA hi informata li din l-istqarija li jistgħu jitnaqqsu il-pagi saret kemm permess ta’ filmati, b’ittri miktuba lill-ħaddiema kif ukoll verbalment.
‘Konna inkwetati. Mhux talli ma tnaqqsulna l-ebda kundizzjonijiet iżda tjiebu. Din hija inaċċetabbli għax sakemm assigurana il- Management li dan mhuwiex minnu, inħolqot ħafna ansjetà lilna u fil-familji tagħna għal jiem sħaħ.”
Il-ħaddiema irrimarkaw li “każ riċenti li seħħ kien dak fejn il-UĦM baqgħu allegatament jinsistu b’direttiva biex jopponu tibdil bżonnjuż fl-operat fis-CA Sites u li saħansitra kien ser iwassal biex ħaddiema igawdu minn promozzjoni. Aħna fhimna li it-tibdil mitlub mill-kumpanija u l-opportunità li qed tingħatalna u għażilna li ma nsegwux id-direttiva. Nemmnu li hi ta’ stemmriija li flok il-UHM ippruvat tfiehem lill-ħaddiema u toħroġ b’soluzzjonijiet, għażlet it-triq tal-ġlied. Li kieku aħna ma konniex maturi biżżejjed kien ser jkun ta’ detriment għalina. Infatti il-UĦM kellhom jirtiraw dawn id-direttivi għax żgur li ma kinux jirriflettu dak li ridna aħna”.
Tennew li “bħala ħaddiema illum nifmhu aħjar għaliex il-maġġoranza tagħna iddeċidew li jissieħbu mal-GWU u ma jibqgħux membri tal-UHM. Qed naraw biċ-ċar id-differenza fil-ħidma u ir-riżultati li nkisbu. Aħna nifmhu li ċertu bidliet qed isiru minħabba li fil-passat kien hemm nuqqasijiet li ma ġewx indirizzati.”
Sadanittant, IT-TORĊA hi informata li rappreżentanti tal-UHM qegħdin allegatament ikellmu gruppi ta’ ħaddiema oħra, fosthom tas-Security u qegħdin javżawhom sabiex ilestu għax la l-management irid gwerra huma kien ser ituh gwerra.
Sadanittant din il-gazzetta informata ukoll li kuntrarjament għal dak li qiegħda tgħid il-UHM lill-ħaddiema tagħha, mhuwiex minnu li din tgawdi ir-rikonoxximent tal maġġoranza assoluta tal-ħaddiema li qegħdin joffu is-servizzi tagħhom ġewwa il-Wastserv u li proċess sabiex jiġi deċiż min fil-fatt ghandu dritt jirrapreżenta lill-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tal-Ozone ġewwa il-Wasteserv qatt ma sar jew saħanistra qatt ma ntalab li jsir mill-UHM.
Ħaddiema qalulna li din l-insistenza tal-UHM li titkellem f’isem il-ħaddiema kollha, inkluż dawk li mhumiex membri qed tkompli toħloq rabja fost il-ħaddiema.
IT-TORĊA tkellmet ukoll mat-Taqsima Ospitalità u Ikel, rappreżentata minn Kenny Muscat u Gabriel Pullicino. Sostnew li “aħna bħala GWU dejjem sħaqna u emminna fis-sostenibbiltà u djalogu matur. Bl-istess mod inħolqot koperazzjoni bejn il-GWU u l-Wasteserv li qed tħalli riżultati pożittivi, li se jkomplu jħallu beneficċji għall-ħaddiema. Hu ta’ għajb li union oħra ma taċċettax id-deċiżjoni ta’ ħaddiem li jaffilja ruħu ma’ union tal-għażla tiegħu. Għalhekk qed jinħoloq diżgwid għad detriment tal-ħaddiema, meta dawn lanqas m’għandhom rikkonoximent.”
Enfasizza li “l-ħidma tagħna ilha għaddeja għal dawn l-aħħar snin fejn ta kuljum qed naħdmu sabiex ntejbu il-kundizzjonjiet holistiċi. Bil-maqlub ta’ union oħra, aħna għandna fiduċja fil-ħaddiema ta’ Wasteserv li ta kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ ambjent diffiċli, u għaldastant nemmnu li ħaqqhom l-aħjar kundizzjonijiet. Illum li għandna viżibilità sħiħa tal-kumpanija Wasteserv nemmnu li tali bidliet għandhom isiru għall-ġid tal-ħaddiema stess. Għalhekk kif dejjem għamilna, aħna ser nibqgħu inkunu proattivi sabiex il-ħaddiema jkolhom l-aħjar ambjent tax-xogħol possibbli. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-ħaddiema li għoġobhom juru fiduċja fina. Tali fiduċja lilna tatina kuraġġ sabiex inkompli inwettqu ħidmietna bl-aħjar mod possibbli.”