Wednesday, November 27, 2024

Il-UNESCO tirrikonoxxi l-arti kulinarja u l-kultura tal-Ftira Maltija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta għandha l-ewwel element lokali inkluż fil-lista rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO. Din hi l-arti kulinarja u l-kultura tal-Ftira Maltija. L-approvazzjoni saret waqt il-15-il sezzjoni tal-laqgħa tal-kumitat intergovernattiv tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO li saret f’Pariġi u ġiet trażmessa onlajn.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera laqa’ l-iskrizzjoni ta’ Il-Ftira u tenna li l-istrateġija tal-ministeru hija li tippromwovi u ġġib rikonoxximent internazzjonali lill-wirt nazzjonali għani tagħna, kemm jekk huwa intanġibbli kif ukoll tanġibbli.

Il-Ftira hija ħobża li l-proċess tagħha jibda b’għaġna bl-idejn. Il-preparazzjoni u l-mod ta’ kif tittiekel huma parti mill-wirt kulturali tal-poplu Malti. Issa, il-mod kif issir il-Ftira Maltija sar wirt kulturali intanġibbli tad-dinja kollha.

Meta jinkiseb għarfien bħal dan fuq il-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO, din issir attrazzjoni għat-turisti li jżuru pajjiżna. Għalhekk irridu nkunu viġilanti sabiex inħarsu fis-snin li ġejjin l-arti kulinarja u l-kultura tal-Ftira Maltija.

Id-Direttorat tal-Kultura fi ħdan dan il-ministeru diġà bagħat lill-UNESCO t-tieni applikazzjoni fejn qed tiġi nnominata l-Għana Maltija li ser tiġi diskussa mill-kumitat tal-esperti tal-UNESCO f’Dicembru 2021. Id-Direttorat qed jaħdem fuq it-tielet applikazzjoni fejn ser ninnominaw il-Festa Maltija.

Sport