Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni għal darba oħra ospita u appoġġja t-tieni edizzjoni tant mistennija tal-‘Union Debate’ organizzata minn ELSA Malta. Dan l-avveniment, ispirat mill-format prestiġjuż tal-Oxford Union, ipprovda pjattaforma dinamika għall-istudenti u l-professjonisti fil-qasam legali biex jiddiskutu suġġetti b’mod kritiku u kostruttiv.
Din kienet it-tieni edizzjoni tal-‘Union Debate’, u sa mill-bidu nett il-Ministeru emmen bis-sħiħ fil-potenzjal ta’ din l-inizjattiva kif ukoll fl-enerġija u d-dedikazzjoni tal-istudenti li mexxewha ’l quddiem. Din is-sena kien hemm tkabbir sinifikanti kemm fil-loġistika tal-avveniment kif ukoll fl-attendenza, b’aktar minn 150 student tal-liġi li pparteċipaw, xhieda tal-interess dejjem jikber f’dan id-dibattitu.
Il-mozzjoni ċentrali tad-dibattitu kienet dwar jekk għandhiex titneħħa d-difiża ta’ passjoni istantanja mil-liġi kriminali. Żewġ timijiet ta’ studenti tal-liġi ppreżentaw argumenti sodi favur u kontra, b’diskussjoni miftuħa li ħeġġet lill-udjenza sabiex tidħol fid-dibattitu b’mod attiv u responsabbli.
Filwaqt li indirizza lil dawk preżenti, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard irrimarka li suġġetti bħal dawn iġiegħluna nħarsu lejn il-mod kif l-emozzjonijiet umani jistgħu jaffettwaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet legali. “It-tema ta’ dan id-dibattitu hija waħda delikata iżda essenzjali – li tistieden riflessjoni profonda fuq kif ninterpretaw u napplikaw il-liġi fil-kuntest ta’ emozzjonijiet qawwija u reazzjonijiet immedjati,” qal Dr Attard.
Huwa saħaq fuq l-importanza tad-djalogu filwaqt li nnota li avvenimenti bħall-‘Union Debate’ juru kif l-iskambju tal-ideat xi drabi kontenzjużi huwa essenzjali biex is-sistema legali tagħna tevolvi. Il-Ministru faħħar l-argumenti b’saħħithom u maturi li ġew ippreżentati miż-żewġ naħat, li trattaw il-kuntest emozzjonali u l-piż tiegħu fil-proċess ġudizzjarju.
“Dan is-suġġett kien aspett ċentrali tal-ewwel Abbozz ta’ Liġi li ppilotajt fil-Parlament, li wassal għall-introduzzjoni tal-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali Malti. Il-parteċipazzjoni tal-istudenti flimkien ma’ avukati esperti turi kemm hu importanti li ngħaqqdu l-pont bejn id-dinja akkademika u dik prattika,” żied jgħid il-Ministru Attard.
Huwa ħeġġeġ lill-istudenti biex jibqgħu involuti f’organizzazzjonijiet bħalma hi ELSA u jkomplu jisfidaw l-istatus quo u l-kompjaċenza fil-qasam legali. “Diskussjonijiet bħal dawn jgħinuna nibnu sistema legali li tkun verament ġusta u li tirrifletti r-realtà umana li ngħixu fiha,” temm jgħid il-Ministru Attard.
L-avveniment kien suċċess assolut, u wera kemm l-impenn kif ukoll il-ħiliet ta’ dawk kollha li pparteċipaw. Id-dibattitu sar taħt il-patroċinju tal-President Onorarju tal-għaqda, l-Avukat Stefano Filletti, li mexxa l-avveniment, bil-parteċipazzjoni u l-appoġġ legali mill-avukati Giannella De Marco u Lara Dimitrijevic.