Hija xi ħaġa komuni li fi Franza bħal lum, 1 ta’ Mejju, eluf kbar ta’ ħaddiema joħorġu fit-toroq jipprotestaw ħafna drabi dwar tibdil fil-klima jew affarijiet relatati mal-ambjent.
Illum, Franza hija wkoll festa pubblika, iżda b’differenza mis-snin li għaddew il-unjins kollha fil-pajjiż qegħdin isejħu lill-membri tagħhom u lill-familji tagħhom biex kulħadd jinżel fit-toroq biex joħolqu “tsunami ta’ protesti” kontra t-tmexxija tal-President Franċiż Emmanuel Macron.
Il-unjins qegħdin isejħu wkoll lil dawk il-ħaddiema li huma fid-dover li jidħlu xogħol biex illum jistrajkjaw u kulħadd jinżel fit-toroq. Is-servizz ta’ emerġenza fl-isptarijiet se jkun servizz ridott filwaqt li s-servizz pubbliku se jieqaf kompletament.
Il-protesti fi Franza issa ilhom għaddejjin ġimgħat wara li l-President Franċiż ħabbar li kien se jżid l-età tal-irtirar minn 62 sena għal 64 sena.
Minkejja l-protesti kbar li saru, u anke strajks… xorta waħda l-President Macron qal li din hija deċiżjoni ta’ interess nazzjonali u għalhekk iffirma din il-liġi.
Fl-aħħar ġimgħat apparti l-protesti kbar li kienu qegħdin isiru kien hemm strajk mill-kolletturi tal-iskart bil-konsegwenza li Pariġi u partijiet oħrajn tal-pajjiż spiċċaw kollha boroż suwed.
Illum mistennija waħda mill-akbar protesti li qatt saru f’Pariġi u anke fi bliet ewlenin oħrajn madwar il-pajjiż.
Il-unjins qegħdin iwissu lil dawk li se jużaw l-ajruporti madwar il-pajjiż li jista’ jkun hemm dewmien twil ħafna fi tluq u wasliet tat-titjiriet. L-istess unjins wissew lil dawk il-ħaddiema li huma obbligati li jmorru għax-xogħol biex isibu mezz tat-trasport ieħor minflok it-trasport pubbliku.
Min-naħa tiegħu l-Amministrazzjoni Macron qalet li mhux se tmur lura minn din il-liġi anke jekk għal ġranet sħaħ il-ħaddiema jibqgħu jipprotestaw.
Madwar il-pajjiż kollu hemm preżenza qawwija ta’ pulizija kif ukoll uffiċjali ta’ kontra l-irvellijiet.