Saturday, December 14, 2024

“Il-vaċċin tal-Pfizer jaħdem kontra l-varjant tal-Covid-19”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Kap Eżekuttiv tal-laboratorju BioNTech involut fir-riċerka

Il-Kap Eżekuttiv tal-BioNTech huwa kunfidenti li l-vaċċin li żviluppaw flmal-Pfizer jaħdem ukoll fuq il-varjant tal-Covid19 li nstab fl-aħħar siegħat.

Ugur Sahin imexxi l-laboratorju tal-BioNTech fil-Ġermanja li flimkien mal-kumpanija Amerikana Pfizer ħejjiet l-ewwel vaċċin approvat biex jitqassam fil-pajjiżi membri tal-UE nkluż Malta.

“Il-possibilità li l-vaċċin tagħna jaħdem fuq il-varjant huwa għoli għax 99% ta’ dak li jissejjaħ l-‘spike protein’ tal-virus huwa l-istess”, huwa kien kwotat jgħid.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Business Officer tal-BioNTech Sean Marett sostna li l-vaċċin jista’ jibda ħiereġ mill-imħażen tal-kumpanija fil-Belġju lejn il-pajjiżi tal-UE sa mill-Erbgħa filgħodu.

Huwa żied li kemm huma kif ukoll il-Pfizer kienu qed ilesti d-dokumenti neċessarji biex il-vaċċin jibda jitqassam madwar l-Ewropa.

Sal-aħħar tas-sena ż-żewġ kumpaniji mistennija jqassmu 45 miljun doża madwar id-dinja fosthom 12.5 miljun lejn il-pajjiżi tal-UE u 20 miljun lejn l-Istati Uniti.

Il-vaċċin kien approvat mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u mbagħad mill-Kummissjoni Ewropea t-Tnejn.

Malta se tirċievi 500,000 doża ta’ dan il-vaċċin bl-ewwel 10,000 għandhom jaslu s-Sibt biex il-Ħadd tingħata l-ewwel tilqima.

Il-vaċċin irid jinżamm f’temperatura ta’ -70 grad Celsius u jingħata f’żewġ dożi bit-tieni waħda 21 jum wara l-ewwel.

L-ewwel doża għandha effettività ta’ 52% li titla’ għal madwar 95% wara li tingħata l-‘booster’.

Ekonomija

Sport