Friday, November 22, 2024

Il-Vallettan – li dejjem żamm newtrali, qabeż għall-iżvantaġġjati

….qatt ma rritorna lejn art twelidu

Aqra wkoll

Il-Vallettan mhux magħruf. Qed ngħidu dan għax ċerti li l-maġġoranza tal-Maltin ma jafux bih, għalkemm hu magħruf madwar id-dinja kollha. Forsi ħafna Maltin semgħu b’ismu imma daqshekk. Dan hu Vallettan li dar id-dinja. Jidħol fi stejjer ta’ kunflitt u dejjem żamm newtrali.

Regolarment isemmi lil Malta. Imwieled f’Malta eżattament fi Triq id-Dejqa, jew kif kienet magħrufa bħala Strada Stretta. Jitlaq minn Malta ta’ 13-il sena. Dejjem jaqbeż għall-iżvantaġġjati. Il-Vallettan li qatt ma rritorna lejn art twelidu. Id-darba li kien ġej, tfeġġ marda u jingħalqu l-portijiet. L-ewwel Vallettan u l-ewwel Malti li spiċċa fid-dinja tal-komiks.

Dan il-Vallettan mhu ħadd ħlief il-Corto Maltese, karattru tal-komiks maħluq mit-Taljan, Hugo Pratt. Corto Maltese huma sensiela ta’ komiks avventurużi imsemmijin għall-karattru ta’ Corto Maltese, baħri avventuruż.  Karattru li inħoloq minn Pratt fis-sena 1967. Il-komiks saru magħrufin mal-erbat irjieħ tad-dinja għall-mod kif inhuma miktubin u nqalbu f’diversi lingwi.. L-istejjer ta’ dawn il-komiks kienu ukoll adatti għal diversi films.

Imma għaliex il-karattru ta’ Corto ġie imwieled f’Malta mill-awtur? Mistoqsija li forsi ma tidħollokx f’rasek imma meta ssegwi l-istejjer u tara kif lil Malta jdaħħalha spiss, ma tistax ma tistaqsihiex. It-tweġiba tagħha qiegħda fil-ħajja ta’ Hugo Pratt. Hu għandu għeruq multietniċi, fejn nannuh minn naħa  ta’ missieru kien Ingliż waqt li nannuh minn naħa ta’ ommu kien Lhudi b’għeruq Torok.

Missieru kien suldat mal-militar Taljan u kien ġie stazzjonat f’dik li kienet l-Abissinja, parti mill-Etjopja ta’ llum.  Kien hawn li Pratt sar konoxxenti tal-Afrika. Ta’ kważi 15-il sena, Pratt kien diġa jaħdem mal-Pulizija kolonjali, fejn dan ma kellux Taljani biss imma persuni mill-Abissinja, Ingliżi u anke Franċiżi. 

Mat-telfa tat-Taljani fil-gwerra, missieru kien safa arrestat u miet f’kamp tal-konċentrament. Hugo jerġa’ jirritorna lejn Venezja. Beda jsemmi l-ħsieb tiegħu li jibda jagħmel il-komiks. Kien hawn li ddeċieda li jdur id-dinja. Għamel dan billi daħal mal-qawwa navali. Filfatt hu kien spiċċa biex ġie anke Malta. Minn Malta mar fin-nofsinhar tal-Amerika u spiċċa l-Arġentina fejn mar hemm fuq stedina li saritlu.  Hemmhekk kellu kuntatti ma’ diversi artisti tal-komiks bħal Alberto Breccia. Fl-1967, Pratt iltaqa’ ma’ Florenzo Ivaldi u huma ħolqu magażin tal-komiks bl-isem ‘Il Sergente Kirk’. Fl-ewwel ħarġa Pratt jippubblika l-istorja “Una ballata del mare salato’ fejn hawn introduċa l-karattru Corto Maltese.

Il-karattru ta’ Corto Maltese….

…qatt ma ried ikun eroj

Il-karattru ta’ Corto Maltese twieled fi Triq id-Dejqa fl-10 ta’ Lulju tas-sena 1887. Kien it-tifel ta’ baħri Ingliż u prostituta minn Andalusia. Ta’ 13-il sena Corto Amur fi Spanja u jibda jgħix fi kwartier Lhudi f’Cordoba. Jiddeċiedi li jagħmel id-destin tiegħu stess.

Sab mus u qata’ idejh u rħielha fuq il-ħalel, iwettaq avventura wara oħra. Kien protagonist imma qatt ma ried ikun eroj. Spiċċa tant jinteressah  minn ħaddieħor li spiċċa dejjem involut. F’kull vjaġġ li għamel hu kien dejjem isemmi lil Malta. Per eżempju meta kien qiegħed it-Turkija u faqqa l-ġenoċidju bejn it-Torok u l-Armeni, hu kien spiċċa qalilhom li hu minn Malta biex juri li hu newtrali.

Interessanti hu l-fatt li Corto Maltese, fl-avventuri tiegħu jiltaqa’ ma nies li għexu tassew. Fost dawn hemm il-kittieb Ingliż Jack London, il-poeta Taljana Gabriele D’Annunzio, Ernest Hemingway, Hermann Hesse – poeta Ġermaniż, Butch Cassidy, li kien ħalliel tal-banek u ferroviji u Enver Pasha, uffiċjal militari u mexxej tar-rivoluzzjoni fit-Turkija fis-sena 1908.  Il-karattru jiltaqa’ ukoll fl-avventuri tiegħu ma’ Churchill, Stalin u Rasputin.

L-avventuri tiegħu saħħru lin-nies madwar id-dinja

L-avventuri tiegħu saħħru n-nies madwar id-dinja. Fl-avventuri tiegħu tispikka ħaġa waħda – dik li f’kull kunflitt li sab ruħu fih hu dejjem jaqbeż għall-iżvantaġġjat jew għal dawk li jkunu taħt oppressjoni. Tista’ tgħid li l-avventuri tiegħu maqsumin fi tilt partijiet. L-ewwel parti hi avventuri, it-tieni parti jidħol sew l-element politiku, fejn hu beda jħares lejn l-era kolonjali waqt li fl-Italja ppruvaw inessu dan. Fit-tielet parti, sar filosofiku, bit-tiftix għal teżor li qatt ma instab.

Issir opra……imma jonqos li dawn l-avventuri

narawhom ukoll fil-lingwa Maltija

Jonqos ħafna xi jsir biex il-pubbliku inġenerali jsir jaf b’dan il-karattru. Jiġuna f’moħħna l-iskejjel. Kemm jissemma’ fihom il-karattru ta’ Corto Maltese?  Min jaf forsi xi darba għad naraw ukoll dawn l-avventuri maqlubin għal-lingwa Maltija. 

Sport