Saturday, December 14, 2024

IL-VALUR TA’ JIEM INTERNAZZJONALI GĦADU JGĦODD?

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, fl-14 ta’ Frar bosta maħbubin jkunu qed jistennew bi ħġarhom biex jiċċelebraw Jum l-Imħabba taħt l-isem ‘San Valentinu’ fejn matulu jingħataw rigali li jvarjaw minn xi kartolina b’messaġġ romantiku, xi bukkett ward aħmar, jew xi ċikkulatni fost l-oħrajn, bħala sinifikat tal-imħabba.

Sfortunatament, illum qed ngħixu f’dinja materjalistika li qed twassal biex jintilef is-sinifikat propju ta’ jiem bħal dawn, bil-konsegwenza li taħt l-iskuża tal-imħabba n-negozji jaraw x’jivvintaw biex in-negozju tagħhom imur tajjeb f’dawn il-jiem. Dan ma narawhx biss f’Jum San Valentinu, iżda f’kull jum li jiġi ċċelebrat internazzjonalment, inkluż il-Milied, Jum l-Omm u Jum il-Missier, u anki l-Għid.

B’daqshekk ma rridux ninftiehmu li aħna kontra ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jiem bħal dawn u li saħansitra jingħata xi rigal. Li aħna kontra hu meta tispikka l-ipokresija, għaliex anki billi jiġi ċċelebrat Jum San Valentinu, il-vjolenza domestika għadha prevalenti, mhux f’pajjiżna biss imma anki f’pajjiżi oħra.

X’jiswa li tagħti rigal lill-maħbub/a tiegħek fi ġranet bħal dawn meta mbagħad matul is-sena tgħaddi lill-istess maħbub/a, u saħansitra lill-familjari, minn martirju sħiħ? Kemm hawn min, nisa u rġiel, illi f’Jum San Valentinu jiġu murija l-imħabba imma mbagħad mill-għada stess jerġgħu jibdew bil-battibekki bejniethom mingħajr ma jindunaw bl-effett ħażin li jkun qed jolqot lil uliedhom, partikolarment?Għalhekk, jeħtieġ li dan il-Jum ma jkunx ifisser ġurnata waħda biss imma jkun turija ta’ mħabba matul is-sena kollha.

Għandu jkun hemm insistenza fuq il-ħtieġa illi dawn it-tip ta’ jiem iċċelebrati internazzjonalment iservu ta’ xprun sabiex naraw fejn inkunu qed nonqsu lil ta’ madwarna mill-imħabba u r-rispett u nkunu motivati biex minn sena għall-oħra ngħixu ħajja iżjed sana mal-għeżież tagħna.

Ekonomija

Sport