Friday, November 7, 2025

IL-VALUR TAL-VOLONTARJAT FIS-SOĊJETÀ

Aqra wkoll

L-importanza tal-volontarjat f’pajjiżna fortunatament qed isir iktar tanġibbli. B’għarfien sħiħ dan is-settur huwa kkunsidrat bħala wieħed fost il-valuri l-aktar importanti fis-soċjetà Maltija tant li huwa mifrux ma’ kullimkien. U ngħiduha kif inhi, xi kultant allaħares ma jkunx il-volontarjat biex jiġu estiżi ċerti servizzi offruti mill-istat.

Il-volontarjat, filwaqt jagħti ċertu sens ta’ sodisfazzjon lil min ikun qed jagħmlu, huwa wkoll ta’ sostenn għal ħaddieħor għax jaf li se jkun qed jingħata l-għajnuna li għandu bżonn, b’mod partikolari persuni b’diżabilità.

Il-pajjiż tagħna minkejja ċ-ċokon tiegħu huwa fortunat li għandu diversi għaqdiet u entitajiet tal-volontarjat. Aħna xxurtjati li għandna sens qawwi ta’ volontarjat fost il-poplu Malti u Għawdxi, fejn nies involuti f’dan il-qasam, jagħtu bil-qalb tagħhom mingħajr ma jippretendu xejn lura. 

Dan is-settur ukoll qed ikompli jingħata importanza u rikonoxximent mill-Gvern. Tant li fil-Budget 2026 li tħabbar fis-27 t’Ottubru li għadda, il-Gvern irrikonoxxa l-impenn b’saħħtu tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna u l-impatt soċjoekonomiku li dawn iħallu. Fil-budget intqal li minħabba dan, għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tad-diżablità u tal-ħarsien tal-annimali se jibdew igawdu minn inċentiv vantaġġuż fuq il-kont tad-dawl u l-ilma li bħalissa qed jitħallas b’rata nonresidenzjali. 

Sabiex il-Gvern ikompli jgħin il-qasam tal-volontarjat, se titnieda wkoll skema ġdida sabiex dawk l-għaqdiet nongovernattivi jkunu jistgħu jirrinovaw u jtebu l-binja li jagħmlu użu minnha biex jagħtu servizz lill-komunità.

Inċentivi bħal dawn mogħtja mill-Gvern ikomplu jqawwu qalb il-voluntiera biex ikomplu bil-ħidma tagħhom f’dan is-settur b’aktar kuraġġ u mpenn li wara kollox ħidmiethom hi b’risq dawk li forsi huma xi ftit inqas ixxurtjati. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li l-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-poplu. Nappellaw biex aktar persuni u kumpaniji jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu l-volontarjat u jkunu ta’ kontribut siewi għall-mixja lejn Malta aktar ġusta u ħanina. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport