Wednesday, July 24, 2024

“Il-valur tax-xogħol jiddetta l-ħlas u mhux ma’ min taħdem”

– Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Il-GWU tilqa’ bi pjaċir it-tibdil fil-liġi biex kull ħaddiem ikun trattat l-istess

Il-GWU laqgħet bi pjaċir l-aħbar li ta l-Prim Ministru dwar id-dħul tal-leġislazzjoni biex fis-settur privat, il-ħaddiema tal-kuntrattur li jkunu qegħdin jaħdmu u jagħmlu l-istess xogħol bħall-ħaddiema li jaħdmu b’mod dirett ma’ min iħaddem, jitħallsu l-istess paga daqshom.

Kienet il-General Workers’ Union li qajmet din il-kwistjoni, meta organizzazzjonijiet tax-xogħol bdew jużaw is-servizz tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Dan kien qed iwassal disparita fil-pagi u kundizzjonijiet ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol. Dan kien qed iwassal għal nuqqas ta’  motivazzjoni u dwejjaq għal dawn il-ħaddiema.

“Din hija aħbar kbira għalina u għall-eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur. Din hija kwistjoni li ilna żmien niġġieldu għaliha. Il-GWU kienet proprju l-ewwel unjin li qajmet din il-kwistjoni u bqajna ninsistu dejjem fuqha. Aħna nemmnu u nisħqu li kull ħaddiem għandu jkun trattat l-istess għax huwa l-valur tax-xogħol li jiddetta l-ħlas u mhux ma’ min taħdem,” saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Il-GWU qatt ma waqfet tisħaq fuq il-prinċipju ta’ paga ugwali għal impjiegi ta’ valur ugwali f’kull post tax-xogħol. Temmen li dan huwa pedament ta’ ġustizzja soċjali, għall-ħaddiema kollha, kemm jekk ħaddiema tal-kuntrattur jew jaħdmu direttament ma’ min iħaddem.

“Kien inaċċettabbli li l-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu inqas mill-ħaddiema l-oħra, disparità li tiżvaluta l-kontribut tagħhom u twassal għal soċjetà mhux ugwali. Nistennew bil-ħerqa l-introduzzjoni ta’ din il-leġislazzjoni biex issir ġustizzja ma’ dawn il-ħaddiema,” żied jgħid Bugeja.

Ekonomija

Sport