Huwa fatt naturali li ż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd. Fl-isfond ta’ dan, ħafna drabi nitkellmu fuq il-valuri u li l-valuri meqjusin tajbin naraw kif jiġu mgħoddijin minn ġenerazzjoni għal oħra.
Ħafna drabi nitkellmu wkoll fuq il-valur tat-tagħlim u l-bżonn li l-ġenituri jieħdu kontroll ta’ wliedhom sa minn etajiet żgħar. Din tkun l-ewwel tarġa sabiex l-imġieba ta’ dawn tkun dixxiplinata ladarba jirfsu l-għatba ta’ xi istituzzjoni edukattiva fejn jitħalltu ma’ tfal oħra u jibdew jesploraw il-ħajja.
Xi rridu nfissru b’dan kollu? Huwa tajjeb li nieqfu u naħsbu ftit dwar il-proċess tat-tagħlim fost it-tfal u anke t-tagħlim li jibqa’ għaddej tul il-ħajja. Nemmnu li l-edukazzjoni m’għandhiex tasal biss sal-klassi, ma’ dik obbligatorja, jiġifieri sa 16-il sena. Għalhekk għandna nassiguraw li t-tixrid tat-tagħlim ikun proċess kontinwu fejn wieħed ikun jista’ jkompli jikseb il-ħiliet meħtieġa f’dinja li kontinwament qiegħda tinbidel u tiżviluppa b’passi mgħaġġla.
Huwa fatt li jirrikonoxxih kulħadd li l-avvanzi fit-teknoloġija, b’mod partikolari bl-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali, biddlu totalment id-dinja u l-mod tal-għajxien li konna mdorrijin bih. Issa sta għal kull wieħed u waħda minna sabiex naħtfu u nisfruttaw l-opportunitajiet li jirriżultaw minn dawn l-iżviluppi.
Għandna għax nifhmu li dawn l-istess teknoloġiji qegħdin jiġu inklużi wkoll fi proġetti edukattivi għat-tfal, li huma prova oħra ta’ kemm l-AI fl-edukazzjoni, jekk tintuża tajjeb, tista’ titħaddem fil-prattika u minnha jibbenefikaw l-edukaturi, it-tfal u anke l-ġenituri tagħhom. Nemmnu għalhekk li l-edukazzjoni diġitali u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni hi importanti f’dan il-proċess kontinwu ta’ tagħlim fost it-tfal waqt il-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Madankollu, u minkejja dawn l-iżviluppi teknoloġiċi kollha f’diversi oqsma, huwa tajjeb għalhekk li nżommuhom taħt għajnejna għaliex jekk ma nagħmlux hekk fil-fehma tagħna naqgħu lura mbagħad jaf ikun diffiċli ħafna u anki tard wisq biex inlaħħqu mal-passi li jkunu saru f’dan l-iżvilupp teknoloġiku kollu.
Fil-kuntest internazzjonali, pajjiżna għandu jkun għaqli biżżejjed biex filwaqt li l-ewwel li jħares huwa lill-ġenerazzjonijiet Maltin, għandu jkompli jaħdem aktar fil-livell ta’ Nazzjonijiet Uniti u istituzzjonijiet oħra biex tinkiseb u tirrenja l-paċi bħala għodda biex jitnaqqas il-ġuħ u l-faqar fid-dinja ħalli b’hekk il-250 miljun tifel u tifla madwar id-dinja ma jibqgħux jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni li tnaqqas l-illitteriżmu sew fost it-tfal u sew fost l-adulti.