L-Awtoritajiet tas-Saħħa tar-Renju Unit fl-aħħar sigħat ikkonfermaw li f’wieħed mill-isptarijiet kien daħal pazjent li kien infettat bil-varjant tal-Covid-19 li ngħata l-isem ta’ “Pirola”.
Esperti Inglizi huma mħassba minħabba li dan il-pazjent daħal l-isptar infettat b’dan il-varjant u ma kien ivvjaġġa lejn l-ebda pajjiż jew kellu kuntatt ma’ persuni li kienu vvjaġġaw barra mill-pajjiż. Għalhekk jista’ jkun li dan il-varjant ilu fil-pajjiż għal numru ta’ ġimgħat. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li dan il-varjant il-ġdid “qiegħed jiġi segwit mill-qrib.”
S’issa l-Awtoritajiet Ingliżi ma qalux kemm kienu sabu minn dan il-varjant. L-Istati Uniti, id-Danimmarka u Iżreal qalu li huma kienu rreġistraw dan il-varjant f’pajjiżhom ukoll.
Hemm biża’ reali li dan il-varjant se jkun qiegħed joħloq mewġa oħra ta’ mard u skont l-Awtoritajiet tas-Saħħa Ingliżi din il-mewġa tista’ tkun ħafna kbira b’eluf kbar ta’ persuni jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.