Thursday, October 23, 2025

IL-VATIKAN IFAĦĦAR LILL-KUMMISSJONI TAS-SAFEGUARDING MALTIJA, IQISHA ‘EŻEMPLARI’

Aqra wkoll

 Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Minuri tal-Vatikan (Tutela Minorum) faħħret lill-Kummissjoni tas-Safeguarding tal-Knisja Maltija għal-linji gwida “eżemplari” tagħha, u rrakkomandat li konferenzi episkopali oħra madwar id-dinja jadottaw standards simili.

Fir-rapport annwali tagħha tal-2024 dwar il-policies u l-proċeduri tas-safeguarding tal-Knisja, il-Kummissjoni Pontifiċja qalet li l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex huma impenjati bis-sħiħ fir-rispons tal-Knisja kontra l-abbuż u wrew “tmexxija soda u ammirevoli fis-safeguarding għal tul ta’ żmien.”

Il-Kummissjoni Pontifiċja faħħret ukoll lill-Kummissjoni tas-Safeguarding ta’ Malta talli addottat mod ta’ ġustizzja li “b’enfasi jpoġġi lill-vittma fiċ-ċentru tal-proċess”.

Irrimarkat ukoll dwar kif is-safeguarding fil-Knisja Maltija ġie msaħħaħ fuq livell professjonali u hu mmexxi minn professjonisti kwalifikati, esperti fis-safeguarding, u mgħammra b’riżorsi b’saħħithom. Il-Kummissjoni Pontifiċja faħħret ukoll it-trasparenza tal-Kummissjoni tas-Safeguarding li tippubblika informazzjoni u statistika online dwar safeguarding.

“L-istaff u l-membri kollha tal-bord li jagħmlu parti mill-Kummissjoni Interdjoċesana tas-Safeguarding u s-Segretarjat huma professjonisti mħarrġa sew fis-safeguarding. Din hija prattika tajba,” sostna r-rapport.

Il-Kummissjoni Pontifiċja laqgħet ukoll li l-Knisja f’Malta u Għawdex daħħlet policy ta’ whistleblowing, saħħet miżuri fil-protezzjoni tad-data, u modi speċifiċi li jindirizzaw l-abbuż online – li fi kliemha, hija “prattika unika u milqugħa” li għandha tiġi kondiviża ma’ konferenzi episkopali oħra li qed jindirizzaw il-kwistjoni dejjem qed tikber tal-isfruttament diġitali.

Hija faħħret ukoll il-policy ġdida ta’ safeguarding li ġiet adottata fl-entitajiet kollha tal-Knisja f’Malta u Għawdex fl-2024, li stabbiliet standards ogħla kif ukoll poġġiet il-benesseri tal-allegati vittmi fiċ-ċentru tal-investigazzjonijiet.

Il-Kummissjoni faħħret ukoll it-tmexxija proattiva tal-Kap tas-Safeguarding ta’ Malta, is-Sur Mark Pellicano.

“Il-Kummissjoni tas-Safeguarding tmexxi kampanji regolari ta’ media soċjali u għarfien pubbliku biex tippromwovi s-servizzi tagħha fi ħdan il-komunità; (filwaqt li s-Sur Pellicano) jaħdem mill-qrib mal-kapijiet ta’ diversi gruppi lajċi kif ukoll jiltaqa’ regolarment mal-Forum tal-Movimenti Kattoliċi lajċi, u jipprovdi pjattaforma li tħeġġeġ kollaborazzjoni fis-safeguarding,” qalet il-Kummissjoni Pontifiċja.

Il-Kummissjoni tas-Safeguarding f’Malta twaqqfet ftit wara li Mons. Charles Scicluna ġie nominat Arċisqof fl-2015 – li ħadet post ir-Response Team li kien twaqqaf fl-1999 – biex tagħti pariri dwar l-iżvilupp ta’ policies, l-aħjar prattiki, programmi ta’ prevenzjoni, kura tal-vittmi, investigazzjonijiet, u assessjar marbut mal-ħarsien ta’ minuri u adulti vulnerabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport