“L‑Arċidjoċesi ta’ Malta tinnota b’dispjaċir kbir u diżappunt li saċerdot djoċesan illum instab ħati fl-appell, dwar ksur ta’ konfini (boundaries) ta’ natura sesswali ma’ tfajla ta’ 15‑il sena,” qalet stqarrija li ħarġet l-Arċidjoċesi.
L‑Arċidjoċesi titlob apoloġija bla riżervi lill‑vittma tal‑azzjonijiet ta’ wieħed mill‑membri tal‑kleru, u tixtieq tiċċara li diġà rreferiet dan il‑każ lis‑Santa Sede.
Il‑Vatikan iddeċieda li s‑saċerdot, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal‑Qorti, jiġi ristrett milli jwettaq il‑ministeru tiegħu.
L‑Arċidjoċesi tirringrazzja lis‑Safeguarding Commission għall‑mod kif ħadet ħsieb dan il‑każ, li serva biex jenfasizza l‑bżonn kruċjali ta’ strutturi ta’ safeguarding li jinkoraġġixxu lill‑individwi sabiex jitkellmu meta ma jħossuhomx siguri — partikolarment f’sitwazzjonijiet li jinvolvu persuni f’pożizzjonijiet ta’ awtorità.
Is‑Safeguarding Commission tat is‑sapport meħtieġ lill‑vittma biex tressaq il‑każ u tirrapporta l‑abbuż lill‑Pulizija, u dan il‑każ hu eżempju ċar li l‑mekkaniżmi ta’ safeguarding jistgħu jkunu effettivi.
Is‑Safeguarding Commission tal‑Knisja tħeġġeġ lil kull min ma jħossux sigur jew min hu xhieda ta’ mġiba mhux xierqa sabiex jitkellem, b’mod speċjali fi ħdan ambjenti fejn hemm żbilanċ ta’ poter.
Minbarra s‑sapport li s‑Safeguarding Commission ipprovdiet lill‑vittma, l‑Arċidjoċesi se tipprovdi wkoll servizzi ta’ counselling u sapport emozzjonali lis‑saċerdot ikkonċernat.