L-ISKANDLU TAL-400 ĊERTIFIKATI ŻBALJATI MILL-UNIVERSITÀ…
Wara l-iskandlu tal-“iżball” oħxon tal-400 ċertifikati għal għalliema maħruġa bejn l-2010 u l-2013 moħbi kemm mill-Gvern tal-PN ta’ dak iż-żmien, kif ukoll mill-ogħla istituzzjoni edukattiva – l-Università ta’ Malta – il-livell tal-kors inkwistjoni allegatament inbidel. Qalet dan lil IT-TORĊA waħda mill-istudenti milquta fejn minn dak li qaltilna, il-verità kollha ħarġet fil-miftuħ wara talba li saret għal allowance.
Din l-għalliema sostniet kif, “toħroġ ċara u tonda li l-kors bidlulu l-livell wara li ggradwajna aħna. M’għamluhiex biss għal dawk li għadhom se jagħmlu l-kors imma bidlu ta’ qabel ukoll. Fil-fatt, min ġie ftit snin warajna avolja l-isem tal-kors żammewh Postgraduate (li ma jagħmilx sens) almenu għandu miktub fil-paġna ta’ quddiem tat-transcript li huwa Livell MQF6. Dan jidher f’tabella li baghtulna l-Università din is-sena wara li nsistejna magħhom li l-PGCE tagħna huwa Livell 7 għax hekk għandna miktub fit-tabella mat-trancript li kienu tawna. F’din l-aħħar tabella mibgħuta jidher ukoll li issa, il-kors Postgraduate li għamilna aħna, m’għadux disponibbli”.
“Ma ddubitajniex il-livell…”
Min-naħa tagħha din l-għalliema qasmet magħna din l-esperjenza xejn sabiħa. Irrakkontat kif, “minn dejjem xtaqt insir għalliema però s-suġġett li xtaqt ngħallem, dak iż-żmien ma kienx jeżisti fil-kors. Ridna ta’ bilfors l-ewwel nagħmlu Bachelor’s Degree fis-suġġett tagħna u mbagħad nagħmlu dak l-imsejjaħ PCGE. Din kienet l-unika triq possibbli”. Hija kienet għamlet erba’ snin studji u kkwalifikat b’Bachelors’ with Honours fis-suġġett tagħha u mbagħad fil-ħames sena kisbet il-PCGE.
“Meta aħna dħalna għall-kors tal-PCGE ovvjament ma ddubitajniex il-livell għax l-isem Postgraduate ismu miegħu – Postgraduate. Dan dejjem ifisser Livell 7 u miegħu l-Masters,” kompliet din l-għalliema. Uffiċjalment il-Qafas tal-Kwalifikazzjonijiet ta’ Malta (MQF) fil-Livell 6 huwa mniżżel li wassal għal Bachelor’s Degree mentri l-Postgraduate – il-“Master’s Degree Post-graduate Diploma Post-graduate Certificate, jidhru livell 7 kif qiegħda tindika din l-għalliema.
Hija elaborat kif dak iż-żmien daħlu u għamlu l-kors u mingħalihom li kisbu livell MQF7. “Gradwajna u ħadna t-transcript. Fil-paġna ta’ quddiem tat-transcript m’hemmx miktub il-livell. Jiġifieri m’hemm ebda indikazzjoni ta’ x’livell huwa però l-isem, kull Postgraduate Certificate, huwa awtomatikament Livell 7. Speċjalment il-fatt li m’hemm miktub xejn, ifisser li huwa Livell 7. Biex tgħaxxaq aktar, fit-transcript għandna tabella li turi biċ-ċar dan li qiegħda ngħid – jiġifieri li għandek Bachelor’s Degree f’Livell 6 u mbagħad għandek il-Postgraduate Certificate u Diploma, kif ukoll il-Masters li huma Livell 7. Allura, għalkemm m’hemmx miktub fil-paġna ta’ quddiem Livell 7, hemm din it-tabella fit-transcript tagħna stess, li turi li dan il-kors jismu Postgraduate”.
Hija qalet li l-istudenti milquta ilhom aktar minn għaxar snin li ggradwaw u f’dawn is-snin kollha kien mingħalihom li għandhom MQF Livell 7. “Sadanittant, milli jidher, l-Università ndunaw bl-iżball tant li mis-snin ta’ wara fuq it-transcript bdew jiktbulhom MQF6 imma aħna ma konniex nafu għax ħadd ma qalilna xejn. Lanqas għamlu kuntatt magħna”.
Kollox beda f’Jannar… L-Extra Qualification Allowance
Dwar ir-reazzjoni tagħha meta ħarġet fil-beraħ l-istorja, din l-għalliema spjegat li, “qabel ħareġ ir-rapport tal-Ombudsman, aħna konna diġà indunajna u nimmaġina li dak kollu li ġara, għalhekk ġara, għax il-kollegi tiegħi probabbli ġralhom l-istess bħali”.
Hawn hija rrakkontat kif f’Jannar ta’ din is-sena kienu rċevew email dwar ir-reviżjoni tal-Qualification Allowance. Fir-rigward hija qalet li, “qabel kienet li bażikament tieħu extra qualification allowance jekk għandek xi kwalifika li ma tużahiex għat-tagħlim, ma tkunx użajtha biex ġibt il-warrant u tkun żejda. Hemm min pereżempju jkollu Masters f’xi ħaġa partikolari u jieħu l-qualification allowance għaliha. Minn Jannar ‘il hawn din ġiet riveduta li kull min huwa kwalifikat ogħla minn dak imniżżel fil-job description, jista’ japplika għaliha. Aħna fit-tagħlim teknikament huwa rikjest MQF6. Dak iż-żmien min kien jagħmel Bachelors in Education kien ikollu Livell 6. Mentri aħna, tal-PGCE, teknikament niġu bħal dawk tal-Masters Livell 7 jew almenu hekk kien mingħalina u applikajna għall-extra qualification allowance”.
Wara li applikaw, qalet li rċevew risposta b’talba għal ittra mill-Università biex tivverifika li ċ-ċertifikat huwa MQF7. Żiedet li, “aħna din iġġielidniha fejn staqsejna għala hemm dan il-bżonn meta t-titlu minnu nnifsu jgħid Postgraduate imma huma baqgħu jinsistu li jridu din l-ittra mill-Università”.
L-għalliema qalet li kollega tagħha għamlet kuntatt mal-Università ta’ Malta u kien hawn li l-Università bagħtu tabella differenti li fiha jidher li l-Postgraduate Certificate huwa MQF Level 6. Insistiet li, “imma din it-tabella ħarġuha wara li ggradwajna aħna. Lilna ma qalulna b’xejn u dan anke meta ffaċjanihom b’din is-sitwazzjoni. Kulma bagħtulna hija din it-tabella u ma qalulna xejn bl-iżball. Il-verità ħarġet mir-rapport tal-Ombudsman. Onestamment, wara din il-kummiedja kollha, aħna qtajna qalbna u rrealizzajna li kien hemm xi taħwida”.
“Kont qiegħda ngħix f’gidba” … Riperkussjoni: ma jikkwalifikawx għall-allowance
Min-naħa tagħha din l-għalliema tapprezza ħafna li qiegħed jitqajjem għarfien bħal dan. Fi kliemha, “għax ħareġ fil-beraħ dak li konna qegħdin nissuspettaw aħna – li bażikament l-Università lilna għamlitilna kors li fil-verità naħseb li kien MQF6 meta l-isem kien jindika li huwa MQF7 u aħna mingħalina li għandna dan tal-aħħar”.
“Ovvjament ir-riperkussjonijiet għalina huma li din l-extra qualification allowance m’aħniex intitolati għaliha. Kien hemm min għamel il-PGCE qabilna u probabbilment se jieħu din l-allowance għax qabel kien MQF7. Imma, meta kienu rranġaw il-kors fi żmienna jidher li ma baqax jiswa Liveell 7 u għaldaqstant m’aħniex intitolati għal din l-allowance”.
Aktar mit-telf tal-extra qualification allowance, din l-għalliema tinsab iddiżappuntata ħafna. “Dan għax ili dawn is-snin kollha ngħallem mingħaliha b’Livell MQF 7 imma m’għandix din il-kwalifika. Kont qiegħda ngħix f’gidba. Għalkemm din il-ħaġa ma tibdillekx ħajtek, hija xi ħaġa diżappuntanti ħafna. L-aktar ħaġa li tirrabjani però huwa l-fatt li l-Università lilna baqgħet ma qaltilna xejn. Ftit snin wara li ggradwajna aħna, xi sentejn wara, naħseb li kien ħareġ l-iżball imma lilna baqgħu ma jgħidulna xejn. Kieku ma ġratx din tal-allowance, kieku ħadd qatt ma kien jinduna. Din, fil-verità, hija l-ikbar weġgħa f’dan il-każ,” issoktat l-għalliema milquta.
Skiet skandaluż… Il-poplu għandu dritt għal verità sħiħa u apoloġija vera
L-għalliema milquta qegħdin jisħqu fuq punt wieħed – dak li qatt ma ġew infurmati. Il-verità ħarġet meta bdew jisħqu fuq id-drittijiet tagħhom. Almenu drittijiet li mingħalihom kellhom. Il-mistoqsijiet għadhom hemm: Għaliex l-Università baqgħet siekta? Għaliex il-gvern ta’ dak iż-żmien ma ħax passi? Min illum se jerfa’ r-responsabbiltà mhux biss għall-ġustizzja lejn l-400 għalliema milquta imma anke għall-fiduċja tal-poplu?
Din mhiex biss kwistjoni ta’ allowance jew ta’ ċertifikat. Din hija kwistjoni ta’ ġustizzja u rispett lejn dawk li ħadmu bla waqfien biex ikunu l-għalliema ta’ għada. Wara aktar minn għaxar snin ta’ silenzju u tgħaffiġ il-poplu għandu dritt għal verità sħiħa u apoloġija vera u mhux espressjoni ta’ sempliċi “rimors” jew soluzzjoni b’“top up programm” biex mingħalina solvejna kollox u li qisu ma ġara xejn.