Hekk kif il-Partit Laburista ma kellux jaqta’ rasu bid-distakk ta’ 12,000 vot, hekk ukoll ma jistax jimliha għax dan id-distakk żdied għal 16,000. Dan sostnieh l-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’reazzjoni għall-istħarriġ.
Hu qal li “l-verità hija iżda li l-Partit Laburista reġa’ żied filwaqt li l-Partit Nazzjonalista baqa’ fejn kien. F’ termini ta’ statistika hemm bżonn jgħaddi aktar żmien biex wieħed jikkonkludi jekk dan hux bidu ta’ xejra favur il-Partit Laburista. Ironikament, bit-tnedija ta’ ħafna partiti żgħar li ppożizzjonaw ruħhom kontra l-Gvern, dawn tilfu voti lejn l-istess Gvern.”
Tenna li “x’ġara minn Ottubru lil hawn? Il-Gvern jinsab aktar iffukat fuq il-ħidma tiegħu u l-effetti tal-budget bdew jinħassu. Il-Prim Ministru u l-Partit Laburista bdew eżercizzju li ukoll jinħass fejn qed jersqu lejn Laburisti li huma diżilluzi. Fadal ħafna x’ isir iżda hawn ukoll l-effett beda jinħass. Il-PN reġa’ beda jiżfen id-diska tal-fazzjoni estrema tiegħu. Reġa’ tfaċċa Simon Busuttil. Kif jarawh, in-nies jimxu lejn il-Partit Laburista”.