Il-Veterani Maltin u s-selezzjoni tal-MAFA huma l-finalisti tal-Jubilee Cup fil-kategorija tal-assoċjazzjonijiet membri.
Iż-żewġ timijiet kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex eliminaw lill-avversarji rispettivi tagħhom.
Il-Veterani Maltin għelbu lis-selezzjoni ta’ SWAN 5-4 wara l-għoti tal-penalties wara li l-iskor finali sad-90 minuta kien dak ta’ 2-2.
Kien Ian Zammit li poġġa lill-Veterani Maltin minn fuq wara kwarta logħob sabiex l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 favurihom.
Fit-tieni taqsima daħal fix-xena l-attakkant Auwal Abba li skorja doppjetta bejn is-47 u t-73 minuta għalkemm Manolito Micallef ġab l-iskor indaqs.
Fis-sekwenza tax-xuttijiet mill-11-il metru, Manolito Micallef, Justin Grioli, Andrew Cohen, Ian Zammit u George Frendo skorjaw il-gowls tagħhom bis-SWAN li kellhom lil Abba Auwal, Gabriel Felipe, Darrell Baldacchino u Klajdi Qose li skorjaw iżda Sean Lee Lanzon li falla milli jiskorja.
Il-Veterani Maltin se jilagħbu kontra l-MAFA li f’logħba oħra ferm interessanti, huma għelbu lil IASC 4-3 wara l-għoti tal-penalties.
Kien Fabrizio Farrugia li poġġa lil MAFA minn fuq għalkemm Ishmael Grech ġab l-iskor indaqs. Hekk kif Diego Fernando Ovallos skorja tripletta personali, il-MAFA qatt ma qatgħu qalbhom b’Juan Navarro, Anas Souhaile u Anthony Spiteri li għamlu l-iskor finali ta’ 4-4.
Fl-għoti tal-penalties, Anas Souhaile, Lamin Saho, Nikola Neskovic u Anthony Spiteri skorjaw għal MAFA filwaqt li Alexaner Keiber, Marlon Yesid u Jerome Fiteni sabu x-xibka għal IASC għalkemm fallew Jorge Diaz u Diego Ovallos,
B’hekk MAFA għaddew għall-finali kontra l-Veterani Maltin li se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fis-Centenary Stadium.