Minn Victor Vella
Din is-sena kien jaħbat il-75 anniversarju mindu ntemmet l-invażjoni fin-Normandija mill-alleati. Avveniment li kien strumentali biex intemmet it-Tieni Gwerra Dinjija. Avveniment li llum, sfortunatament qed jintesa’ bil-mod il-mod. Fl-aħħar ġimgħat qamet kontroversja minn għadd ta’ veterani li għadhom ħajjin minn din l-invażjoni, minħabba pjani biex isir park b’rabta’ ma’ din l-invażjoni li ħalliet eluf kbar ta’ imwiet. Fl-aħħar jiem, sar magħruf li miet wieħed mill-veterani mill-aktar magħrufin ta’ din l-invazjoni. Dan kien Harley Reynolds. Hu miet fl-età ta’ 96 sena.
L-istorja tiegħu kienet ippubblikata ftit xhur ilu fuq inewsmalta.com
Reynolds kien qed jgħix ħajja trankwilla fi Florida. Hu bħal oħrajn jixtieq li dak li sar fid-D Day ma jintesiex maż-żmien Kien iddikjara li “kien is-6 ta’ ĠunJu tas-sena 1944, meta jien flimkien ma’ għadd ta’ suldati oħra konna tal-ewwel li nżilna fix-xatt ta’ Omaha fi Franza. Dak iż-żmien kelli 19-il sena u kont ‘machine gun section leader fil-B Company tas-16 Infantry Regiment.” Jiddikjara li ‘kif inżilt mal-art, jien intfajt mal-art għal sagħtejn sħaħ eżattament fit-tarf sa fejn jasal l-ilma. Is-suldati Ġemaniżi kienu qed jisparaw bla ħniena lejna. Kull min kien jagħmel tentattiv biex iqum kien jinqatel immedjatament mill-isparar”.
Harley Reynolds twieled fis-sena 1924 f’St Charles f’Virginia. Hu daħal fl-armata tal-Istati Uniti fis-sena 1940. Hu ħa sehem fi tlett invazjonijiet li huma dik tal-Afrika ta’ Fuq, dik ta’ Sqallija u dik tan-Normanija.
Jgħid li “meta tniżżlet ir-rampa, niftakar li dak li ħdejja intlaqat mill-ewwel bl-isparar mill-machine guns Ġermaniżi. L-istess ġralhom ħafna suldati oħra li kienu fl-istess dgħajsa.” Harley jirrakkonta kif kellu jaqbeż fuq l-iġsma ta’ sħabu u suldati oħra biex irnexxielu jasal sax-xatt.
“Kif missejt mal-art sat-tarf tal-ilma intajt fl-art għax l-isparar kien wieħed intens ħafna. Intfajt fl-art għal madwar sagħtejn. Ma kellekx ċans tqum għax tispiċċa tintlaqat.
Kien irrakkonta kif ix-xena fix-xatt ta’ Omaha kienet waħda ta’ terrur. “Kien hemm għadd kbir ta’ iġsma fuq ix-xatt. Ħafna mejtin u ħafna oħra feruti. Kienet tidher ċara li kieku bqajna fuq ix-xatt, il-unit kollha tagħna kien ikun f’riskju li jinqatel kollu. Bdejt nara kif nistgħu ngħaddu biex naqbżu ix-xatt. Assistejt għat-tneħħija tal-fence tal-barbed wire, li kien qed jimblokka l-avvanz tagħna. Dan sar bil-Bangalore Torpedoes. Idderiġejt lil membri li kien fadal mill-unit, biex qridna il-pożizzjonijiet tal-għadu u nassiguraw li jkollna kontroll tax-xatt.”
Harley Reynolds kien l-ewwel wieħed li għadda mill-fence tal-barbed wire fuq ix-xatt ta’ Omaha.
Il-kuraġġ u l-qlubija ta’ Reynolds, imfaħħrin minn ħafna, imma hu jibqa’ kawt dwarhom. Meta ssaqsieh dwarhom jgħidlek li “jien għamilt dak li kien mistenni minni. Dan kien dak li lin-nies tiegħu noħroġhom minn fuq ix-xatt. Dak kien li għamilt jien.”