Sunday, December 22, 2024

Il-vetturi bil-liċenzja f’Malta kienu jlaħħqu l-438,567 fl-2023

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, il-vetturi bil-liċenzja f’Malta laħqu l-438,567 bl-akbar proporzjon ikun irreġistrat fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port (25.5 fil-mija). Il-karozzi tal-passiġġieri kienu jgħoddu 73.8 fil-mija tal-vetturi kollha bil-liċenzja.

Id-detenturi taʼ liċenzja tas-sewqan ammontaw għal 277,837, żieda taʼ 0.4 fil-mija fuq l-2022. Id-distrett tat-Tramuntana tal-Port kellu l-akbar għadd (26.1 fil-mija). Id-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna kellu 9.6 fil-mija tat-total.

Dan joħroġ minn rapport li kien ippubblikat ilbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika intitolat “Regional Statistics Malta – 2024 Edition” ibbażat fuq is-sena ta’ referenza l-2023. 

Ir-rapport juri kif is-sena li għaddiet, il-kontravenzjonijiet marbuta mat-traffiku maħruġa mill-Pulizija naqsu bi 11.1% mill-2022, filwaqt li dawk maħruġa mill-uffiċjali tal-komunità naqsu b’6.8%. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kontravenzjonijiet kienu maħruġa fid-distrett tat-Tramunatana tal-Port. 

San Pawl il-Baħar irreġistra l-akbar għadd ta’ kontravenzjonijiet maħruġa mill-uffiċjali tal-komunità – total ta’ 17,872 – filwaqt li San Ġijan kellu l-akbar għadd ta’ kontravenzjonijiet maħruġa minn Transport Malta, li laħqu l-4,953. 

Il-kontravenzjonijiet mill-ispeed cameras laħħqu b’kollox il-41,410. Il-kamera li qabdet l-akbar għadd ta’ vetturi li kienu jaqbżu l-limitu tas-sewqan kienet dik imwaħħla f’Tul il-Kosta, li qabdet 7,457 kontravenzjoni fl-2023. 

Ir-rapport juri wkoll kif is-sena li għaddiet, l-aċċidenti tat-traffiku rrappurtati żdiedu bʼ4.5 fuq l-2022, bʼ35.8 fil-mija tal-aċċidenti kollha rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port. Id-distrett taʼ Għawdex u Kemmuna kellu l-inqas għadd taʼ aċċidenti rrappurtati, 956 każ. Birkirkara kienet il-lokalità bl-ogħla rata ta’ aċċidenti tat-traffiku, b’1,084 każ, segwita minn Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar. 

Dwar it-trasport bil-baħar, ir-rapport isemmi kif l-istokk taʼ dgħajjes tas-sajd fl-2023 kien taʼ 2,729, bl-akbar proporzjon minnhom ikunu MPVs, 44.4 fil-mija. Il-biċċa l-kbira tad-dgħajjes tas-sajd kienu rreġistrati fid-distrett tax-Xlokk, 27.9 fil-mija. Id-dgħajjes tas-sajd irreġistrati fid-distrett taʼ Għawdex u Kemmuna ammontaw għal 21.5 fil-mija.

Dwar it-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex imħaddem mill-Gozo Channel, jirriżulta li l-passiġġieri u l-vetturi li vvjaġġaw bejn Malta u Għawdex żdiedu bi 15.5% u 4.1% rispettivament meta mqabblin mal-2022.

It-traffiku tal-passiġġieri li oriġina miċ-Ċirkewwa kien l-akbar fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt, filwaqt li mix-xatt tal-Imġarr kien l-akbar fil-Ħdud u s-Sibtijiet. Il-passiġġieri li użaw is-servizz tal-fast ferry ammontaw għal 693,361, filwaqt li l-vjaġġi kollha ammontaw għal 7,417.

Fir-reġjun ta’ Malta l-għadd taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva laħaq iż-2,145,111, żieda ta’ 24.4 fil-mija mill-2022, filwaqt li l-iljieli mgħoddijin żdiedu b’20.5 fil-mija.

Fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna l-għadd taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva żdied bʼ21.4 fil-mija biex laħaq il-108,088, filwaqt li l-iljieli mgħoddijin telgħu bʼ21.8 fil-mija.

L-akbar ammonti taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port (48.0 fil-mija tal-mistednin totali). Il-biċċa l-kbira tal-iljieli mgħoddijin kienu mqattgħin ukoll fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port (45.6 fil-mija tal-iljieli mgħoddijin kollha).

L-istabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva fid-distretti tat-Tramuntana tal-Port u tat- Tramuntana laqgħu għandhom 85.0 fil-mija tal-persuni mhux residenti.

Id-distrett tat-Tramuntana tal-Port ħa l-akbar proporzjon taʼ ljieli mgħoddijin minn persuni mhux residenti (49.6 fil-mija).

Il-biċċa l-kbira tar-residenti li qattgħu xi ljieli fl-istabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva rreġistraw fid-distrett tat-Tramuntana u ammontaw għal 36.2 fil-mija, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-iljieli mgħoddijin mir-residenti kienu fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port (43.0 fil-mija).

Bʼ5.3 iljieli, id-distrett tat-Tramuntana kellu l-itwal tul medju taż-żjajjar. Warajh, kien hemm id-distrett tat-Tramuntana tal-Port (4.2 iljieli).

L-ogħla rata taʼ okkupanza netta kienet irreġistrata fid-distrett tat-Tramuntana bʼ67.3 fil-mija. Wara, kien hemm id-distrett tan-Nofsinhar tal-Port bʼ61.9 fil-mija.

Il-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva attivi kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port (39.1 fil-mija), segwit mid-distrett tan-Nofsinhar tal-Port (21.1 fil-mija).

L-akbar proporzjon taʼ sodod kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port, bʼ45.0 fil-mija tas-sodod kollha, segwit mid-distrett tat-Tramuntana bʼ41.0 fil-mija.

Fi tmiem l-2023, l-akkomodazzjonijiet self-catering irreġistrati kollha kienu jgħoddu 78.1 fil-mija tal-istokk kollu taʼ sodod fir-reġjun taʼ Għawdex u Kemmuna. Stabbilimenti self-catering oħra, li jinkludu appartamenti u vilel bil-pixxina, kienu jgħoddu aktar minn nofs tal-bini kollu attiv mgħammar għall-vaganzi.

Turiżmu lejn Malta 

Fl-2023, il-wasliet tat-turisti żdiedu bil-kbir minn 2,286,597 fl-2022 għal 2,975,670. Aktar minn nofs dawn it-turisti ġew Malta b’linji tal-ajru ta’ spiża baxxa (61.3 fil-mija).

F’dak li jirrigwardja t-turisti li żaru r-reġjun ta’ Malta biss (destinazzjoni waħda), dawn laħqu t-2.8 miljuni, żieda ta’ 1.3 darbiet meta mqabbla mal-2022. Aktar qagħdu fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija (89.9 fil-mija), u kellhom nefqa stmata għal €2.5 biljuni.

it-turisti li żaru r-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna biss (destinazzjoni waħda) kienu jammontaw għal 158,378, żieda taʼ 22.7 fil-mija fuq 2022. Aktar qagħdu fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija (73.0 fil-mija); il-maġġoranza (63.4 fil-mija) għażlu akkomodazzjoni mhux kollettiva.

Fl-2023, daħlu Malta 309 bastimenti tal-cruiseliners bi 814,603 passiġġieri, dawn tal-aħħar b’żieda ta’ kważi 1.7 darbiet il-passiġġieri li żaru fl-2022. Kien hemm 27,153 passiġġier għaddew minn tal-inqas lejl wieħed fuq il-vapur irmiġġat.

Barra minn hekk 20 cruiseliner żaru r-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna b’total ta’ 6,745 passiġġier.

Ekonomija

Sport