Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-aħħar ta’ Ġunju 2022 kien hawn mhux inqas minn 419,254 vettura bil-mutur liċenzjati. L-istess ċifri juru li l-vetturi liċenzjati bejn April u Ġunju żdiedu b’medja netta ta’ 50 vettura kuljum.
Mit-total kollu, 75.2 fil-mija kienu karozzi tal-passiġġieri, 13.7 fil-mija kienu vetturi bil-mutur kummerċjali, 10.0 fil-mija kienu muturi/quadricycles/e kick scooters u All-Terrain Vehicles (ATVs), filwaqt li karozzi tal-linja u minibuses kienu jammontaw għal inqas minn wieħed fil-mija.
Vetturi bil-mutur liċenzjati ġodda li ħarġu fit-toroq matul il-perjodu msemmi ammontaw għal 7,073. Il-maġġoranza tal-vetturi li għadhom kemm ġew liċenzjati kienu karozzi tal-passiġġieri segwiti minn e-kick scooters b’1,600 jew 22.6 fil-mija.
Il-vetturi bil-mutur liċenzjati ġodda kienu jammontaw għal 5,076 jew 71.8 fil-mija tat-total, filwaqt li vetturi bil-mutur ‘użati’ liċenzjati ġodda ammontaw għal 1,997 jew 28.2 fil-mija.
Matul it-tieni kwart tal-2022, 7,224 vettura bil-mutur tneħħew mit-triq minħabba restrizzjoni. Minn dawn, 36.4 fil-mija ġew skrappjati, 31.5 fil-mija kienu garaxxjati, filwaqt li 30.2 fil-mija tpoġġew għall-bejgħ mill-ġdid. Vetturi bil-mutur li r-restrizzjoni fuqhom spiċċat matul it-trimestru taħt reviżjoni ammontaw għal 5,155. Il-maġġoranza ġew irreġistrati bħala garaxxjati (54.3 fil-mija) jew mibjugħa mill-ġdid (44.8 fil-mija).
Sa tmiem Ġunju 2022, 246,977 vettura kellhom magni li jaħdmu bil-petrol filwaqt li 155,871 kienu vettur jaħdmu bid-diesel. Vetturi elettriċi u ibridi plug-in ammontaw għal 9,452 jew 2.3 fil-mija tat-total kollu ta’ vetturi.