Sunday, December 22, 2024

Il-Viċi President tal-MFA Adrian Casha jattira l-interess tal-media Taljana

Aqra wkoll

Is-sit elettroniku SportPress24 xandar bi prominenza intervista mal-viċi president tal-MFA Adrian Casha dwar l-isfidi li għandu minħabba l-marda ta’ Parkinson u t-tama ġdida li nisslet fih l-organizzazzjoni volontarja Step Up For Parkinson’s imwaqqfa sitt snin ilu minn Natalie Muschamp.

Adrian Casha, magħruf bħala esponent ewlieni tas-settur tar-refereeing f’pajjiżna kif ukoll għall-preżenza kontinwa viċin il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri fi ħdan l-MFA, jelenka kif minkejja l-mumenti diffiċli li jgħaddi minnhom meta jħoss is-sensazzjoni li m’għandux kontroll tal-movimenti tiegħu, tkun il-perseveranza li xxejjen it-togħma morra li xi drabi thallilu l-kundizzjoni li huwa jgħix biha.

Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnalist Taljan Stefano Ghezzi, li ntroduċih miegħu l-president ta’ Lazio Supporters Club Malta Edward Psaila, Adrian Casha jistqarr li qatt ma stenna li l-marda ta’ Parkinson tista’ qatt tolqot lil xi ħadd bħalu fl-età ta’ 50 sena, anki jekk erba’ snin ilu beda jesperjenza moviment aktar bil-mod, ebusija fil-muskoli, trehid u l-kitba tiegħu bdiet tiċkien.

Madankollu Adrian Casha jesprimi b’sodisfazzjon kif wara li huwa ltaqa’ ma’ Natalie Muschamp f’Jannar li għadda u ġie offrut irwol amministrattiv fi ħdan l-organizzazzjoni Step Up For Parkinson’s, tnisslet fih tama ġdida li persuni bħalu jistgħu jibbenifikaw bil-bosta minn għajnuna fiżika, psikoloġika u emozzjonali billi jattendu għal sessjonijiet mingħajr ħlas ta’ moviment kreattiv taħt il-gwida ta’ terapisti kwalifikati.

Adrian Casha jitkellem ukoll dwar il-pjanijiet li għandha l-organizzazzjoni li jirnexxilha tiġbor biżżejjed fondi sabiex f’Malta jkun hawn Parkinson’s Day Care Centre, li joffri kura speċjalizzata lill-persuni b’din il-kundizzjoni f’pajjiżna. Huwa jtenni li bħalissa għaddejja kampanja sabiex jinġabru €45,000 li jkopru l-ispejjeż għal maratona ġbir ta’ fondi li hija pjanata li tixxandar fuq żewġ stazzjonijiet televiżivi nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru.

Bħala l-moħħ wara l-inizjattiva riċenti Step Up On Tour, Adrian Casha fisser kif din il-kampanja edukattiva hija intiża biex tgħarraf u teduka lill-pubbliku permezz ta’ żjarat għand entitajiet u intrapriżi, għaqdiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sabiex jitwessa’ dejjem aktar l-għarfien li tant hu meħtieġ li jwassal biex wieħed jifhem aħjar l-impatt li l-marda ta’ Parkinson’s tħalli fuq l-individwi konċernati u dawk li jgħixu magħhom u/jew jieħdu ħsiebhom.

Ekonomija

Sport