Il-proprjetà f’Kalifornja li fiha l-artist Michael Jackson kien ħoloq post ta’ divertiment għat-tfal li semma Neverland, inbiegħet għal anqas mill-kwart tal-prezz mitlub fl-2015. Dak iż-żmien il-prezz mitlub kien ta’ $100 miljun.
Skont kif irrappuratat mill-Wall Street Journal, ir-ranch, li huwa mifrux fuq 1,100 ettaru, inxtara għall-prezz ta’ $22 miljun minn Ron Burkle, li kien ħabib ta’ Michael Jackson.
Jackson oriġinarjament kien xtara r-ranch għal $19.5 miljun fl-1987, u bidilha f’attrazzjoni għat-tfal u l-familji tagħhom, fejn fost oħrajn kien hemm zoo u park tad-divertiment. Il-kantant kellu jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali relatati ma’ dan il-post, liema allegazzjonijiet huwa ċaħad fil-Qorti.