Għall-ewwel darba din is-sena, Ħal Kirkop se jospita il-Villaġġ ta’ Klaus Percopu, attività li qabel kienet magħrufa bħala Gigantic. Din l-edizzjoni mistennija tkun esperjenza distinta li tagħti aktar enfasi fuq il-kultura u t-tradizzjoni, b’mod li l-istorja tal-lokal tiġi magħquda ma’ elementi kreattivi u kontemporanji.
Matul is-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ Novembru, se jkunu esposti madwar 55 stand differenti, li joffru firxa ta’ prodotti, artiġjanat, ikel tradizzjonali u inizjattivi komunitarji. L-attività qed titwettaq bl-appoġġ u bis-sehem attiv tal-għaqdiet tal-festi ta’ Ħal Kirkop, li se jkollhom sehem essenzjali fit-tisħiħ tal-element kulturali, devottiv u tradizzjonali.

Bħala parti minn din l-inizjattiva, inħareġ ukoll ktejjeb edukattiv għat-tfal li jista’ jinkiseb mingħajr ħlas.
L-isem Klaus Percopu huwa ispirat mill-mod kif kienet tinkiteb “Kirkop” fl-antik, sabiex din l-edizzjoni tkun simbolu ta’ rabta bejn il-passat u l-identità kontemporanja tal-komunità. Il-Villaġġ se jipprovdi spazju fejn il-viżitaturi jistgħu jgawdu l-arti, il-kultura, prodotti lokali u l-ispirtu festiv li jikkaratterizza lil dan il-lokal Malti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Kunsilliera, helpers u kif ukoll lill-komunità kollha ta’ Ħal Kirkop li għal darb’oħra wriet l-ispirtu ta’ għaqda, kreattività u dedikazzjoni tagħha.
Il-Ministru Bonnici tenna li l-Villaġġ ta’ Klaus Percopu mhuwiex biss attività kulturali, iżda inizjattiva li tpoġġi l-identità unika tal-lokal tagħna fiċ-ċentru. “Din l-edizzjoni hija xhieda ta’ kif nistgħu nagħmlu passi ’l quddiem fil-promozzjoni tat-tradizzjoni u l-kultura tagħna b’mod kontemporanju u attraenti għall-familji u għall-viżitaturi kollha.”

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u mis-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit, li ħeġġew lill-pubbliku sabiex jattendi għal din l-attività li mistennija toħloq atmosfera ta’ ferħ u għaqda, u tattira kemm lir-residenti tal-lokal kif ukoll lill-viżitaturi minn madwar Malta.

