B’passaġġi mdawla b’tema tal-Milied, foresti maġiċi u attrazzjonijiet ta’ augmented reality, Christmas in the Park 2024 kien suċċess kbir.
F’din l-edizzjoni, il-Park Nazzjonali tas-Salini laqa’ aktar minn 120,000 viżitatur biex igawdu l-atmosfera festiva u, fl-istess ħin, jitgħallmu dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà b’mod interattiv u divertenti. Din l-attività kienet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija bis-sehem ta’ diversi entitajiet fi ħdan l-istess ministeru.
L-attrazzjoni ewlenija tal-attività kienet il-passaġġ mdawwal, fejn il-viżitaturi setgħu jesploraw u jisimgħu informazzjoni dwar ħlejjaq fil-periklu ta’ estinzjoni b’mod immersiv u interattiv. Żona fil-park inbidlet f’Enchanted Forest, li fiha kien hemm diversi effetti ta’ dawl għall-familji biex igawdu l-atmosfera hekk kif jgħaddu minn dawn l-inħawi. Il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità li jagħmlu krafts sostenibbli, jesploraw serra u labirint, filwaqt li jipparteċipaw f’logħob edukattiv ieħor.
Christmas in the Park din is-sena sar bejn it-8 u t-22 ta’ Diċembru, b’aktar attivitajiet u attrazzjonijiet festivi, fosthom ix-xena tan-Natività u l-Grotta ta’ Santa Klaws, kif ukoll diversi prestazzjonijiet minn artisti lokali, baned u korijiet tat-tfal.
Il-viżitaturi kellhom l-opportunità wkoll li jitgħallmu aktar dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà permezz ta’ attivitajiet interattivi u stands ta’ informazzjoni mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Saving Our Blue, Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Circular Economy Malta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Project Green, Wasteserv u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-uffiċjali mill-kampanja Saving Our Blue kienu preżenti bil-mobile unit, fejn il-viżitaturi kellhom l-opportunità li jesperjenzaw ir-realtà virtwali u jżuru żoni marittimi protetti bħal Filfla u l-fdalijiet tat-Tieqa tad-Dwejra.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Aħna kommessi li nkomplu noħolqu u nżommu spazji ħodor ta’ kwalità li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Attivitajiet bħal Christmas in the Park huma importanti peress li jlaqqgħu lin-nies flimkien biex iqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familja tagħhom, filwaqt li jitgħallmu wkoll dwar is-sostenibbiltà”.
“Għalhekk huwa tassew ta’ sodisfazzjon meta tara numru sabiħ ta’ familji u tfal jattendu l-attivitajiet li jiġu organizzati”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Dalli rringrazzjat lil dawk kollha li ħadu sehem f’din l-attività, speċjalment lill-esibituri u l-viżitaturi kollha li għamluha suċċess u ħeġġet lil kulħadd biex jagħmel użu u jgawdi mill-ispazji ħodor madwar il-gżejjer.
Għal aktar tagħrif dwar il-parks u l-ġonna f’Malta u Għawdex u l-attivitajiet li jsiru fihom, segwi l-paġni soċjali ta’ Sostenibilità.