Thursday, December 26, 2024

Il-vittma kellu ġrieħi qrib qalbu

Aqra wkoll

Hekk kif daħal fit-tieni jum tal-ġuri li għaddej Joseph Scicluna akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia ta’ 43 sena, illum tela’ jixher il-Psikjatra Joseph Spiteri. Hu qal li sena wara li l-vittma għadda minn dak li għadda kien għadu qed ibati minn Post Traumatic Stress Disorder (PTSD).

Spiteri qal li meta seħħ il-każ il-vittma kien taħt mediċina psikjatrika li tnaqqas il-ħsibijiet neġattivi minn fuq il-moħħ.

Xehdu wkoll diversi esperti forensiċi li wrew dokumenti u anke spjegaw lil ġurati dwar dak kollu li sar u ġie stabbilit waqt l-investigazzjoni. Fost l-oħrajn ittieħdu kampjuni ta’ DNA kemm tal-akkużat u anke tal-vittma. Dawn ittieħdu minn fuq ħwejiġhom, mill-vettura tal-akkużat u anke minn fuq ix-xena tar-reat.

Espert forensiku qal li kienu ttieħdu ‘l fuq minn 150 ritratt ta’ dak kollu li ġie elevat minn fuq il-post. Fost l-oħrajn ħames skrataċ li nstabu fis-senter tal-akkużat kif ukoll oħrajn vojta li nstabu fuq il-post.

Fost ir-ritratti li ġew murija lill-ġurati kien hemm wieħed ta’ toqob li ħalla ċ-ċomb fuq il-ħwejjeġ tal-vittma. Ġie muri wkoll is-senter li ntuża waqt l-attentat ta qtil kif ukoll l-erba’ armi oħrajn li l-akkużat għandu rreġistrati fuqu.

Min-naħa tal-avukat difensur Jacob Magri, waqt li kien qiegħed jagħmel il-kontra-eżami staqsa dwar il-martell tal-laħam li semma f’wieħed mir-rapport tal-investigaturi, dwar x’inġabar aktar minn fuq il-post u anke dwar il-cover tas-senter.

Tabib li kien eżamina lil Farrugia fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta xehed li l-vittma kellu qasam ta’ madwar 10 ċentimentri fuq moħħu kif ukoll numru ta’ entraturi ta’ balal f’idu, f’sidru u fiż-żaqq.

It-tabib fix-xhieda tiegħu qal li hu kien iċċertifikat lil Farrugia li qiegħed isofri ġrieħi gravi minħabba li wħud minnhom kien viċin organi vitali tal-bniedem. Aktar tard imbgħad hekk kif iddaħal l-Isptar Mater Dei hu ġie ċċertifikat fil-periklu tal-mewt minħabba ferita li kellu qrib sew qalbu.

Farrugia kellu jiġi operat f’idu x-xellugija ftit tal-jiem wara filwaqt li kellu jibda jingħata l-kura wkoll mid-dipartiment tal-E.N.T minħabba palates li ħarġu mill-isparatura li laqtulu nerv f’wiċċu.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mas-Supretendent James Grech u Wayne Camilleri.

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. L-Avukat Edward Gatt qed jidher għall-parte ċivile.

Ekonomija

Sport