Ikompli jinstema l-każ fil-konfront ta’ Salvino Mangion mixli bil-qtil ta’ Kyle Mifsud
Hekk kif kompla jinstema l-każ b’rabta mal-qtil ta’ Kyle Mifsud ta’ 33 sena li nqatel fil-21 ta’ Settembru, l-imputat Salvino Mangion, pensjonant ta’ 71 sena kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei hekk kif waqt is-smigħ ħassu ħażin. Hekk kif inħareġ fl-ambulanza jidher li sofra attakk tal-qalb.
L-ewwel xhud fis-seduta kienet tal-tal-Ispettur Stephen Gulia mis-CID. Hu xehed li fil-jum tal-każ għall-ħabta tas-1.05pm il-Pulizija mill-għassa ta’ Bormla kienu ġew informati minn Emanuel Bellocchi li kien hemm persuna mimlija demm iħabbat il-bibien tal-blokka u kien qiegħed jitlob l-għajnuna.
Hekk kif waslu l-pulizija fuq il-post sabu lil Kyle Mifsud mimli demm. Irriżulta li kellu ġrieħi fuq in-naħa ta’ sidru u żaqqu, potenzjalment ikkawżati minn arma tan-nar. Hawnhekk, il-vittma kien għadu ħaj fejn qal lill-Pulizija li ċertu Salvu, li indikalhom li joqgħod fuq, sparalu.
Il-Pulizija mill-ewwel informaw lir-residenti tal-blokka biex jibqgħu id-dar, minħabba li l-vittma kien niżel it-taraġ tal-komun kollu, mit-tielet sular kważi sal-entratura, u b’hekk tebba’ t-taraġ tal-komun bid-demm hu u jħabbat il-bibien.
L-Ispettur kompla jgħid li fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħadu lill-vittma l-Isptar.
Kompla jixhed li għall-ħabta tas-1:45pm, hu ġie avviċinat minn Jonathan Mangion, li identifika ruħu bħala t-tifel ta’ Salvu.
Mangion saqsa lill-Ispettur x’ġara, bl-Ispettur isaqsih jekk jafx fejn hu missieru dak il-ħin. L-Ispettur qal li Mangion ikkopera ħafna mal-Pulzija tant li informhom li missieru kien fl-istess triq u anke ggwida lill-Pulizija fejn setgħu jsibuh. Kien hawn li l-imputat ġie informat li kien qiegħed jiġi arrestat b’rabta mal-każ.
Hu stqarr mill-ewwel mal-pulizija li kien għamel żball u l-affarijiet eskalaw. Hekk kif ġie aċċertat li l-akkużat kien f’qagħda ta’ saħħa tajjeb, huwa ttieħed fl-Għassa ta’ Bormla, u wara l-lockup fil-Floriana.
Hekk kif komplew l-investigazzjonijiet u anke marret fuq il-post il-Maġistrat tal-Għassa Monica Borg Galea ġie stabbilit li x-xena tar-reat kienet maqsuma f’żewġ partijiet – dik tal-komun fejn instab il-vittma, u l-appartament tal-akkużat, numru 8.
(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)