Friday, December 27, 2024

Il-vittma nstab marbut wiċċu ‘l isfel f’għadira demm

Waħda mill-akkużati kienet tat dettalji dwar il-pjan tas-serqa lil priġuniera oħra ġimgħat qabel ... jibda l-każ ta’ tliet persuni mixlija b’attentat ta’ qtil waqt hold up fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

L-anzjan ta’ 67 sena li safa aggredit u misruq f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq instab marbut wiċċu ‘l isfel f’għadira demm. Huwa għadu jinsab f’qagħda kritika u mhux f’pożizzjoni li jikkomunika man-nies.

Dan id-dettall ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Lydon Zammit hekk kif bdiet tinstema l-kumpilazzjoni kontra Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena u ż-żewġ Marokkini; Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena u Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena.

Huma qed jiġu mixlija b’attentat ta’ qtil u serq aggravat fost oħrajn. Il-każ seħħ nhar il-25 t’Awwissu li għadda fi Triq Dun Ġużepp Zammit, bil-vittma jispiċċa jissielet għal ħajtu wara l-aggressjoni.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Zammit spjega kif l-imputata Donna Borg Sciberras kienet ukoll tat dettalji dwar il-pjan tas-serqa lil priġunier ieħor, ġimgħat qabel seħħ l-inċident.

Ix-xhud spjega lill-Maġistrat Ian Farrugia kif sid il-ħanut kellu jċempel lil martu dakinhar stess għall-ħabta tas-7.15 p.m. Meta ma ċempilx, martu ġieha suspett li seta’ kien ġralu xi ħaġa u kien għalhekk li binhom mar il-ħanut fejn sab lil missieru marbut mal-art.

Huwa kien ċempel għall-ambulanza u missieru ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Ġewwa l-ħanut instab li kien hemm tliet safes, tnejn kbar u ieħor iżgħar, li kienu miftuħin u bid-deheb nieqes minnhom. Il-cash register instabet ukoll vojta.

L-Ispettur spjega li filmati tas-CCTV urew li s-suspettati ma kinux lebsin maskri u għalkemm wieħed minnhom kien liebes beritta, xorta waħda wiċċhom kien jintgħaraf.

Intqal li Borg Sciberras, kienet l-ewwel waħda li ġie identifikata, segwita minn Anas. Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li t-tliet imputati kienu marru ż-Żurrieq billi bbukkjaw karozza minn fuq il-mobile ta’ Anas.

Huma kienu waqfu ħdejn il-Knisja taż-Żurrieq u mxew sal-ħanut u 20 minuta wara ħarġu, niżżlu x-shutter u mxew lejn il-Blue Grotto Avenue fejn qabdu taxi oħra.
It-tliet imputati marru f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ fejn Anas kien jgħix ma’ persuni oħra. F’din id-dar, il-pulizija sabu basket li kien fih 620 pillola ecstasy u ġakketta li kienet taqbel ma’ waħda li dehret fuq il-kameras tas-sigurtà. Il-Pulizija sabu wkoll misluta u perla quddiem din ir-residenza.

Irriżulta wkoll li l-imputati kienu marru f’dar abbandunata f’Tas-Sliema, li aktar tard irriżulta li fiha kienet tgħix omm Hadoumi. Hemmhekk il-Pulizija sabu lil Borg Sciberras fuq il-bejt ta’ residenza fil-viċin, lil Hadoumi fil-ġnien ta’ dar oħra abbadunata u lil Anas f’post ieħor ftit ‘il bogħod.

Hekk kif il-pulizija kienu qed ifittxu f’din id-dar fejn jidhru li kienu qed jgħixu t-tliet imputati, instab basket tan-nisa li kien fih €1,785 u basket tal-irġiel b’€440 fi flus kontanti u salib tad-deheb bħal dawk li kien hemm fil-ħanut u fir-residenza ta’ Ħaż-Żebbuġ, flimkien mad-dokumenti personali tiegħu.

L-imputati mbagħad kienu ġew arrestati u interrogati. Anas ċaħad li kien hu li sawwat lill-vittma, iżda qal li kien fuq il-post. Min-naħa tiegħu, Hadoumi ta aktar informazzjoni u spjega li kien iltaqa’ maż-żewġ ko-akkużati f’kafetterija f’Tas-Sliema ftit jiem qabel is-serqa.

Huwa qal li kien infurmat b’dak li kien se jiġri u dakinhar il-Ġimgħa, ċemplulu biex imur magħhom fir-residenza f’Ħaż-Żebbuġ minn fejn Anas ibbukkja taxi li wasslithom iż-Żurrieq.

Hadoumi allega mal-pulizija li kien Anas li sawwat lil sid il-ħanut flimkien ma’ Borg Sciberras. Sostna li huwa kien involut fl-irbit tal-vittma u li kisser il-vetrini biex jieħdu d-deheb.

L-Ispettur Zammit spjega wkoll li waqt l-interrogazzjoni tagħha, Borg Sciberras ċaħdet li sawtet lil sid il-ħanut u qalet li kien Hadoumi li l-aktar li ta lill-vittma.
Mill-investigazzjoni tal-pulizija ħareġ ukoll li priġuniera li kienet semgħet bis-serqa, tkellmet ma’ uffiċjal tal-pulizija u allegat li Borg Sciberras kienet tkellmet magħha dwar il-pjan tas-serqa ġimgħat qabel.

Sadanittant, persuni oħra kienu kellmu l-pulizija u qalu li raw tliet persuni jduru barra l-ħanut ftit qabel seħħet is-serqa.

Il-każ ikompli.

Il-prosekzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia, Jonathan Cassar u Shawn Pawney.

L-Avukati Brandon Muscat, Mark Mifsud Cutajar u Maria Karlsson qed jidhru għall-imputati.

Ekonomija

Sport