Sunday, October 27, 2024

Il-vittma tal-hit and run fiż-Żejtun instab 12-il siegħa wara li ttajjar

Filmati juru li l-inċident seħħ waqt tellieqa bejn żewġ karozzi

Aqra wkoll

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu biex jiġi magħruf kif seħħ l-inċident li fih Antoine Degabriele safa vittma wara li ttajjar minn karozza li kienet qed ittellaq ma’ oħra fi triq ewlenija fiż-Żejtun. 

Mix-xhieda li ta l-Ispettur Roderick Spiteri rriżulta li Degabriele, meta nstab, kien ilu li ttajjar mill-karozza madwar 12-il siegħa. Huwa kien instab mejjet fil-ħamrija fejn il-bankina fi Triq il-President Anton Buttiġieġ.

L-Ispettur Spiteri kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Dean Donovan Frendo ta’ 23 sena minn Birżebbuġa, li qed jiġi mixli bil-qtil involontarju ta’ Degabriele wara li allegatament tajru u baqa’ sejjer.

Frendo qed jiġi mixli wkoll li saq vettura Mazda b’manjiera traskurata u perikoluża, li naqas milli jieqaf fuq il-post, li saq vettura mingħajr polza għar-riskji għat-terzi persuni u mingħajr liċenzja tas-sewqan kif ukoll li qabeż il-limitu tal-veloċità imposta mir-regolamenti tat-traffiku. Huwa kien mixli wkoll li bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu pprova jbiddel jew jeqred it-traċċi tar-reat.

Żewġ karozzi kienu qegħdin itellqu… waħda minnhom laqtet lil Degabriele

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Spiteri qal li kien fil-5 ta’ Awwissu, għall-ħabta tal-11.45 a.m., meta ġie infurmat li kien hemm persuna bla ħajja ta’ sess maskili mal-ġenb tal-imsemmija triq fil-ħamrija u li aktar tard ġie identifikat bħala Antoine Degabriele ta’ 51 sena. 

Qal li mill-ewwel stħarriġ li sar ġie stabbilit li l-każ kien jinvolvi hit and run anke minħabba li kien hemm biċċiet tal-karozza fil-post. Irriżulta wkoll li dawn kienu ta’ karozza griża tal-għamla Mazda. 

Qal li aktar tard dakinhar daħlitilhom informazzjoni li fl-inċident kienet allegatament involuta karozza li kienet taqbel mal-evidenza li nstabet fuq ix-xena tar-reat. Qal li rriżulta wkoll li l-imputat Dean Donovan Frendo kien qiegħed jagħmel użu minnha u li saħansitra din kienet tgħajjat lilu.

Minnufih inħareġ mandat t’arrest fil-konfront tiegħu u bdiet it-tfittxija sakemm l-għada 6 t’Awwissu huwa kien ġie arrestat f’residenza f’Birżebbuġa.

Rigward id-dinamika tal-inċident huwa kompla biex jispjega li minn filmati ta’ CCTVs irriżulta li kien hemm żewġ karozzi li kienu qegħdin itellqu meta l-karozza misjuqa minn Frendo allegatament laqtet lill-vittma li mal-ħabta spiċċa fil-ħamrija.

Mistoqsi dwar il-filmati, l-Ispettur qal li fihom jidhru żewġ karozzi – waħda tgħaddi tiġri, l-oħra kienet iktar ’il ġewwa mill-ewwel waħda u kienet proprju dik li laqtet lill-allegat vittma u dan jidher itir fl-arja.

L-Ispettur Spiteri spjega wkoll li mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-inċident seħħ fl-4 ta’ Awwissu, għall-ħabta tal-11.00 p.m. 

Fil-kontro eżami li sar mill-Avukat Franco Debono huwa staqsa rigward jekk mill-investigazzjonijiet ġiex stabbilit min kien qiegħed isuq il-karozza fil-mument tal-inċident bl-Ispettur iwieġeb li le.

Mistoqsi dwar x’ried ifisser meta qal li ż-żewġ karozzi kienu qegħdin “iġerru”, l-Ispettur wieġeb li dehru li kienu qegħdin jinstaqu b’veloċità eċċessiva.

L-Ispettur ikkonferma wkoll li waqt l-investigazzjoni l-imputat iddispjaċih għall-fatt li mietet persuna fl-inċident.

L-imputat mar għand l-isprayer … persuna oħra ħaditlu l-parts

Fis-seduta ta’ dalgħodu xehed ukoll l-isprayer Justin Grima li qal li kien hemm klijent li ħadlu karozza Mazda Demio griża u li bħala ħsarat kellha fanal, bonnett, mudguard u windscreen.

Kompla biex jgħid li l-karozza kienet imkabra u kollha ħmieġ u li tidher li kienet karozza li tintuża ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-karozza kellha xi daqqiet u għafiesi żgħar oħra.

Grima qal li l-klijent qallu biex jibdillu l-parts ta’ quddiem u kellha xi daqqiet fuq il-bibien ta’ quddiem taż-żewġ naħat. Spjega li huwa kien ġie avviċinat minn żewġ persuni, wieħed li qallu li xtaq isewwi għandu u l-ieħor mar aktar tard bil-parts li kellhom jinbidlu.

Żied jirrikonoxxi li kien l-imputat li mar bil-karozza u qallu li xtaq isewwiha għandu. Mistoqsi dwar il-persuna l-ieħor li mar bil-parts, Grima qal li ma jafux u li minbarra l-parts li waslulu filgħaxija.

Rigward il-windscreen, huwa qal li dak li kien fuq il-karozza kien kollu mifqugħ, qalgħu u ramih. Il-bqija tal-parts inġabru.

Wara li semgħet il-partijiet jitrattaw dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Ian Farrugia laqgħet l-argumenti mressqa mill-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti, wara li qieset in-natura serja tal-akkużi, il-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li hemm terza persuna involuta fl-inċident, f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti qalet ukoll li hemm biżżejjed provi prima facie biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. 

Il-każ ikompli fit-23 ta’ Settembru. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Shawn Pawney u Roderick Spiteri filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jassistu għal Frendo.

Sport