Ir-raġel li l-ġimgħa li għaddiet inqatel f’Paceville qala’ 28 daqqa ta’ sikkina fi ġlieda li damet biss żewġ minuti u li allegatament bdiet minħabba tilwim fuq qligħ mill-prostituzzjoni.
B’rabta ma’ dan id-delitt qed jiġu akkużati Ilie Constantin ta’ 31 sena u l-kuġini tiegħu, l-aħwa Ionut Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena. Huma qed iwieġbu mhux ħatja għal dawn l-akkużi.
L-Ispettur Kurt Zahra ddeskrivihom bħala “pimps” meta kien qed jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti. Huwa qal li Rivas kien wasal Malta fit-2 ta’ Diċembru, tlitt ijiem biss qabel il-qtil. Il-vittma kien akkumpanjat minn tnejn oħra li telqu mill-pajjiż dakinhar tal-attakk, li seħħ fil-5 ta’ Diċembru fi Triq Ross.
L-Ispettur Zahra qal li t-tliet akkużati kienu marru l-Big Gs bar għall-ħabta tat-3.15 p.m. biex jieħdu t-te. Xi minuti wara, tlitt irġiel oħra minn grupp oppost, inkluż il-vittma, qasmu t-triq u marru fil-bar fejn kienu l-akkużati.
Qal li għall-ħabta tat-3.23 p.m., wieħed mill-akkużati, Dan-Andrei Tanase, deher jieħu b’idejn dawn l-irġiel li avviċinawhom u żewġ minuti wara tinqala’ kommossjoni. Żied li l-ġlieda jidher li bdiet minħabba tilwima dwar il-mod kif kellhom jinqasmu l-flus tal-prostituzzjoni bejn it-tliet akkużati u ċertu raġel jismu Rasvan.
Intqal li l-akkużati kienu qalu lill-pulizija li kienu akkwistaw informazzjoni mingħand terza persuna – li Constantin kien iltaqa’ magħha “ftit jiem qabel” f’Pender Gardens – li Rasvan kien bagħat xi nies biex joqtluhom.
Mix-xhieda tal-Ispettur Zahra, irriżulta wkoll li Ionut Iulian Tanase u l-kuġini tiegħu kienu żammew skieken fuqhom li kienu xtraw minn ħanut tas-souvenirs li kien fil-qrib għaliex “kienu mbeżża’”. Huma ddeskrivew lil Rivas bħala “big guy”.
Mistoqsi mill-Avukat Difensur Franco Debono, Zahra kkonferma li kien il-grupp ta’ Rivas li l-ewwel avviċina lill-akkużati. “Kien il-grupp l-ieħor li beda l-ġlieda?,” żied jistaqsi Debono, bix-xhud iwieġeb li għalkemm l-akkużati qalu hekk, filmati tas-CCTV minn fuq ix-xena tad-delitt urew liż-żewġ gruppi maqbudin f’xulxin.
Fi tmiem is-seduta tal-Ħamis, il-Maġistrat Nadine Lia ddikjarat li hemm biżżejjed provi prima-facie biex tinħareġ att ta’ akkuża fil-konfront tal-akkużati.
Il-każ ikompli.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonnett u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Brian Xuereb. L-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Jacob Magri u Charmaine Cherrett dehru għall-imputati.