Sunday, December 22, 2024

Il-vittmi allegatament inqatlu wara diżgwid li beda lbieraħ

Identifikati l-vittmi tal-qtil doppju fil-Marsa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li x’aktarx il-każ ta’ qtil doppju fil-Marsa kellu l-bidu tiegħu lbieraħ filgħaxija wara li r-raġel maqtul kellu diżgwid mal-allegat aggressur u dan x’aktarx fuq kera ta’ parti mir-razzett tiegħu.

Intant il-vittmi ġew identifikati bħala Joe Bartolo magħruf bħala l-Babbakku ta’ 73 sena mill-Gudja u s-sieħba tiegħu Carmen ta’ 56 sena.

Dan is-sit għandu f’idejh informazzjoni li d-diżgwid allegatament beda bejn il-vittma u xi persuni li kienu jirrisjedu f’parti mir-razzett tiegħu u li l-vittma spiċċa biex keċċihom bi ħwejjiġhom b’kollox ‘il barra.

Joe magħruf bħala l-Babbakku huwa midħla sew tal-korsa taż-żwiemel

Bartolo dalgħodu rritorna r-razzett tiegħu fejn skont sorsi qrib dan is-sit waqt li kien qiegħed jipprepara xi żiemel spiċċa aggredit mill-aggressur fejn allegatament tħalla mejjet b’daqqiet ta’ arma li s’issa għad m’hemmx konferma dwarha għalkemm jidher li kienet arma li taqta’ u bil-ponta. Ninsabu infurmati wkoll li l-vittma l-oħra ma kinitx involuta direttament fl-argument iżda sfors l-paniku li ħakimha, l-allegat aggressur ħebb għaliha bl-istess arma.

Il-Pulizija kienu infurmati bil-każ fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa għall-ħabta tad-9:30 a.m u sa ftit minuti wara huma rnexxielhom jiċċirkondaw lill-allegat aggressur u jarrestawh. Il-Pulizija flimkien ma’ żewġ persuni barranin li nzertaw fil-viċin waqqfu lill-agressur u dan ġie arrestat.

Fuq il-post kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija u diversi ambulanzi flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport