In-numru ta’ vittmi minn inċident li jinvolvi lil ajruplan tal-passiġġieri ta’ linja tal-ajru Indjana tela’ għal 18, filwaqt li 16-il persuna oħrajn indarbu b’mod serju. Dan kien ikkonfermat aktar kmieni llum minn uffiċjal tal-Gvern tal-Indja.
L-ajruplan tal-linja tal-ajru Air india Express kien qed jagħmel titjira ta’ ripatrijazzjoni ta’ ċittadini Indjani li kienu nqabdu f’Dubaj kaġun tal-pandemija tal-coronavirus. L-inċident seħħ fil-proċedura tal-inżul fl-ajruport internazzjonali ta’ Calicut, bl-ajruplan jibqa’ ħiereġ mir-runway. Huwa mifhum li l-bdot ipprova jniżżel l-ajruplan f’maltemp qalil.
Dan qed jitqies bħala l-agħar inċident tal-ajru fl-Indja sa mill-2010. Abbord l-ajruplan kien hemm 190 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ.
L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-bdot u l-assistent tiegħu mietu fl-inċident.