Friday, February 20, 2026

IL-VITTMI TAL-KRIMINALITÀ MHUMIEX MINSIJIN

Aqra wkoll

F’pajjiżna issa drajna li minn żmien għal żmien nassistu għal xi kampanja edukattiva u ta’ għarfien. Uħud minn dawn il-kampanji jittellgħu b’mod maħsub li jolqot direttament u jaslu li jilħqu l-iskop tagħhom. Iżda hemm oħrajn li minkejja kull sforz u kull skop ġenwin warajhom, ftit li xejn iħallu effett fuq l-imġiba tas-soċjetà.

Waħda minn dawn il-kampanji li qed titħaddem biex tkompli titqanqal kuxjenza hija dik dwar l-appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità u s-servizzi li jeżistu f’pajjiżna. L-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hi li jitwassal b’aktar qawwa il-messaġġ li l-vittmi tal-kriminalità mhumiex waħedhom jew huma skartati imma li għandhom l-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet kompetenti.

Ix-xogħol li twettaq l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità (VSA) hi kruċjali f’dan ir-rigward. Din hi Aġenzija li qiegħda tkompli żżid u ssaħħaħ is-servizzi li toffri biex b’hekk tgħin aktar lil dawk li b’xi mod jew ieħor sabu ruħhom vittma ta’ xi reat kriminali. Tant kienet għaqlija d-deċiżjoni li titwaqqaf aġenzija ta’ din ix-xorta li diġà kienet ta’ appoġġ għal aktar minn 6,000 persuna fl-istess waqt li kienet ukoll il-vuċi ta’ dawk li ħafna drabi jagħżlu li jibqgħu b’ħalqhom magħluq. 

Ftit ilu wkoll, tħabbar li l-Aġenzija se tibda toffri servizz ġdid. Servizz ta trasport b’xejn lill-vittmi tal-kriminalità lejn u mill-Qorti meta jiġu msejħa biex jagħtu x-xhieda tagħhom fil-proċeduri ġudizzjarji. Dan huwa, fil-fehma tagħna, pass li se jkun ta’ għajnuna kbira għal dawn l-individwi biex jaslu b’moħħhom mistirieħ, b’mod sigur u fil-ħin għall-proċeduri fil-qrati. 

Dan is-servizz li wkoll se jkun iċċentrat skont il-bżonn tal-individwu, se jiżdied ma’ oħrajn diġà offruti mill-aġenzija bħalma huma appoġġ emozzjonali u psikosoċjali, informazzjoni dwar il-proċeduri kriminali fil-qrati, assistenza prattika u referenzi għal servizzi speċjalizzati oħra. Dan dejjem bil-għan li l-vittmi jingħataw appoġġ ħolistiku.

Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa ta’ min ifaħħar l-inizjattivi li qed tieħu l-aġenzija għall-appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità, ma rridux ninsew ukoll li l-aggressuri huma vittma tal-imġiba tagħhom stess u għaldaqstant huma wkoll għandhom jingħataw attenzjoni biex jiġu megħjuna joħorġu minn dik l-imġiba aggressiva li effettivament u finalment tweġġa’ kemm lilhom infushom u anke lill-vittmi tagħhom.

F’dan il-qafas, diġà ġew żviluppati programmi ta’ rijabilitazzjoni min-nies esperti fil-qasam, li għandhom ikomplu jiġu sostnuti kemm b’riżorsi umani u anke b’fondi sabiex is-servizzi eċċellenti li qed jingħataw ikompli jiġu mtejba u jkunu aktar effikaċi u effiċjenti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport