Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-Viżjoni Malta 2050 bħala wegħda ta’ poplu sħiħ. “Wegħda biex nagħmlu l-almu tagħna sabiex inkunu l-aħjar li nistgħu nkunu.”
Huwa saħaq li l-Viżjoni Malta 2050 hija mfassla minnha lkoll u se tkompli tinżamm ħajja ħalli tibqa’ rilevanti matul is-snin.
“Wasal iż-żmien ta’ twettiq ġdid – il-quċċata ta’ żminijietna li fiha niltaqgħu mal-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Wasal iż-żmien fejn destin artna jinkiteb u nibdew ngħixuh fl-aqwa tiegħu, minnha u minn uliedna”, qal Dr Abela.
Huwa nnota kif bħala pajjiż diġà wettaqna mirakli kbar, hekk kif iddeskriva lil pajjiżna bħala mutur ekonomiku fost l-aqwa ekonomiji tal-Ewropa, mimli opportunitajiet. Il-Prim Ministru żied jgħid li għax aħna pajjiż ta’ suċċess, nistgħu naqbżu għal-livell li jmiss. Issa wasal iż-żmien ta’ twettiq ġdid.
“Wara li qajjimna l-ekonomija issa rridu li aħna lkoll flimkien nidħlu f’kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-pajjiż tant għal qalbna”, qal il-Prim Ministru.
“Il-Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss pjan. Hija mod ġdid kif ngħixu. Fejn l-iżvilupp ikun bilanċjat. Fejn kulħadd jikseb l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fejn ikollna pajjiż ferm aħjar minn dak li sibna. Flimkien, nistgħu nibnu l-aqwa Malta”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

