Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
Il-Basketball kien l-ewwel team sport li ngħaqadt fih u dan kien proprju mal-klabb tas-Siġġiewi. Għalhekk inħoss ċertu sens ta’ unur li erġajt ersaqt lura lejn dan il-klabb.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Club Manager ta’ Siġġiewi Basketball Club.
Għal numru ta’ snin il-klabb tal-basketball tas-Siġġiewi kien tħalla għal riħu u s-sena l-oħra l-Klabb tal-Futbol tas-Siġġiewi ddeċieda li jidħol għall-klabb u jdaħħlu bħala parti fi ħdanu. Ir-rwol tiegħi bħala Club Manager huwa li mmexxi l-aspetti tal-klabb flimkien mad-Direttur Tekniku u l-membri tal-kumitat tal-Klabb.
Jien nirrispondi lil-president tal-Klabb tal-Futbol li għandi relazzjoni tajba miegħu u dejjem sibtu ta’ sapport għall-bidliet li hemm bżonn isiru fil-klabb. Il-viżjoni tagħna hija li nerġgħu nqajmu l-klabb tas-Siġġiewi u nġibuh bħala wieħed mill-klabbs ewlenin tal-basketball f’Malta.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa? U x’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Ovvjament, il-bidla tirrikjedi ż-żmien u ħafna xogħol. Flimkien mal-kollegi tiegħi bdejna naħdmu minn Settembru li għadda u ċerti tibdiliet qegħdin naraw diġá l-frott tagħhom peró l-proġett huwa wieħed long term allura fadal ħafna x’naqdfu. Dis-sena hija ‘ground zero’ għal ħafna xogħol li jrid isir flimkien.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell fejn jidħol iż-żgħar kemm fit-tfajliet kif ukoll fil-ġuvintur huwa tajjeb ħafna, kif ukoll il-popolaritá tal-logħba fiha nnifisha. Il-kampjonati huma missielta u hemm kompetizzjoni sana bejn il-klabbs involuti. Naħseb huwa ambjent tajjeb li wieħed jista’ jidhol fih u sport sabiħ għal tfal żgħar li jipprattikaw.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-faċilitatjiet sportivi huma problema kbira għal ħafna sports għax hawn kompetizzjoni qawwija għal dawn l-isports. Bħalissa l-klabb qed ifittex indoor courts viċin tas-Siġġiewi għax għalkemm għandna l-court tagħna fuq barra dis-sena speċjalment tlifna ħafna sessjonijiet ta’ taħriġ minħabba l-maltemp.
Bħala klabb għamilna investiment importanti fil-court fejn biddilna l-boards li kienu fi stat dilaptitat u bħalissa għaddejjin bi proċess li nagħmlu ‘resurfacing’ tal-court. Dan huwa investiment li se jkun iffinanzjat mir-riżorsi tal-klabb.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fl-amminsitrazzjoni tal-basketball?
Ħafna nies jafuni minn sports oħra imma l-imħabba tiegħi lejn l-isport u lejn it-tfal li jipprattikaw l-isport tmur it-tip ta’ sport fih innifsu. L-għan huwa li flimkien mal-kollegi tiegħi nerġgħu nġibu lis-Siġġiewi Basketball Club bħala wieħed mill-klabbs ewlenin ġewwa Malta u punt ta’ referenza għall-isportivi fil-Punent ta’ Malta. Nara lis-Siġġiewi Basketball b’timijiet ta’ adulti li bħalissa m’għandniex kif ukoll numru aktar mdaqqas ta’ tfal jipprattikaw l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Irrispettivament mill-isport li jipprattikaw, inħeġġeġ lill-genituri Maltin li jinvolvu t-tfal tagħhom f’xi tip ta’ sport. Studji xjentifiċi u nies fl-isport stess jafu li l-isport jiftaħlek bibien fil-ħajja li huma uniċi u importanti għall-iżvilupp ħolistiku tat-tfal tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar is-Siġġiewi Basketball Club tistgħu tagħmlu follow fuq dan il-link, https://www.facebook.com/SiggiewiBasketballClub jew tikkuntattjawna fuq [email protected]. Aħna noffru sezzjonijiet minn tfal ta’ ħames snin sa tfal ta’ 16-il sena.



