Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet kif bdiet bħal ħafna persuni ta’ tampari, bil-ballun fit- triq. Dak iż-żmien Ħal-Tarxien kien kollu għelieqi u ċerti sports li ma kinux jintużaw konna nagħmluhom forma ta’ grawnds fejn nilagħbu. Mhux kulħadd kien jieħu gost bina naturalment iżda ta’ tfal innoċenti li konna, konna nieħdu gost b’kollox .
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala team manager tat-tim tal-irgiel ta’ taħt id-19 il sena ta’ Swieqi United u ta’ dak ta’ taħt is-16-il sena tan-nisa tal-istess klabb.
Ir-rwol ta’ team manager huwa wieħed delikat fejn jekk ma tkunx dedikat u ffukat fuq dak li tkun qed tagħmel taffettwa ħażin fuq l-iskwardra u l-klabb. Trid tirbaħ il-fiduċja ta’ kulħadd għax finalment għalkemm mhux xi pożizzjoni li tidher, tkun fiċ-ċentru ta’ kollox. Dawn iż-żewġ skwadri li assenjawli huma totalment differenti, f’dik tal-U19 tal-irġiel għandi bosta esperjenza, fejn issa dan kien is-sitt staġun tiegħi f’dan ir-rwol u din kienet it-tielet promozzjoni għalija. Qabel għamilt ħames staġuni ma’ Tarxien Rainbows FC bħala team manager tal-youths ukoll u fl-aħħar staġun magħhom kont team manager tan-nursery kollha. Hawn ikolli nifhem kif fil-fatt nagħmel l-etá ta’ dawn iż-żgħażagħ u anke ngħinhom personalment kull fejn ikollhom bżonn. F’dak li hu U16 tan nisa, kienet xi ħaġa ġdida. Qatt ma kont involut f’futbol tan-nisa iżda dħalt għal din l-isfida u sibt koperazzjoni u għajnuna minn kulħadd. Mument partikolari li se nibqa’ ngħożż huwa meta ftit tax-xhur ilu kont se nitlef lil missieri u dawn it-tfal għamluli filmat ħelu ta’ kuraġġ. Hemm indunajt kemm vera jirrispettawni.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ dawn iż-żewġ timijiet matul l-istaġun li għadda?
Bħala ‘youths men’ l-objettiv kien wieħed ċar – promozzjoni. Hekk saħaq il-kowċ ħabrieki tagħna, Justin Pace. U ħdimna għaliha u wasalna. Ma kinitx xi ħaġa faċli għax kien hemm skwadri tajbin bħal Fgura U., Sliema W. u Kirkop U. li bħalna jinteressahom bis-sħiħ mis- settur ġovanili u kienu ta’ sfida kbira għalina. Prosit kbira lill-plejers, kowċis u staff li konna magħqudin ħafna u ħdimna id f’id, kienet x’kienet id-diffikultá. F’dak li hu U16 woman kellna bidu iebes fejn batejna biex qbadna t-triq tar-rebħ għall-bidu. U infatti morna ‘bottom league’, peró, wara ftit xhur irpiljajna u infatti fil-‘bottom league’ irbaħna l-logħob kollu li kellna b’riżultati konvinċenti u anke fin-knock-out inqlajna fis- semi-finali kontra Valletta FC fl-aħħar minuti tal-ħin barrani. L-istess kienet esperjenza sabiħa ma’ dan it-tim ukoll taħt il-gwida tal-kowċ Jeremy Busuttil u l-kumplament tal- istaff li ħdimna f’armonija flimkien.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti f’pajjiżna fil-preżent?
Il-futbol Malti tjieb ħafna fil-livell fuq il-passat. Iżda mhux biex naqtgħu qalbna iżda rridu nifhmu li l-livell tagħna ta’ futbol hu dak li hu. Jiġifieri filwaqt li nħares b’mod pożittiv għall-futur irridu naraw ix-xlief tagħna sa fejn jaslu. Irridu nagħtu aktar ċans liż-żgħażagħ tagħna jiżvillupaw u fl-opinjojni tiegħi ma nbiddlux formati … il-futbol Malti hu sabiħ kif inhu.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala livell tal-grawnds is-sena d-dieħla żgur ma ngergirx għaz it-tim tagħna se jkun Section A u hemm jintużaw l-aqwa grawnds. Meta mbagħad niġu għal-livelli aktar baxxi ġieli nisma’ min igerger fuq il-ħaxix jew faċilitajiet tad-dressing rooms. Biss nemmen li bħala ‘venues’ għandna u tajjeb li ninvestu f’oħrajn.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien il-futbol għalija huwa passjoni u b’hekk m’għandix xi ambizzjoni personali li nsir xi ħaġa. Jien il-futur tiegħi se jkun kif inhu llum, naħdem għaż-żgħażagħ. Fil-mument qiegħed fi klabb bħas-Swieqi li l-viżjoni tiegħu hija bħal tiegħi, jiġifieri qiegħed komdu naħdem f’dan il-klabb.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi għat-tfajliet huwa wieħed. Illum il-bieb tal-futbol huwa miftuħ għalihom u m’għandhomx jiddejqu jersqu ‘l quddiem biex jibdew jipprattikaw dan l- isport. Aktar ma jgħaddi żmien, aktar l-MFA u l-klabbs qed jieħdu interess fil-futbol tan- nisa.