Saturday, November 16, 2024

“Il-vizzju huwa s-sors tal-problema u mhux tas-soluzzjoni”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie ppubblikat rapport tal-ESPAD li jistħarreġ kemm studenti jiffaċċjaw problemi ta’ vizzji u d-disponibbiltà tal-alkoħol u tas-sustanzi illegali. Dan ir-rapport tratta s-sena 2019 u sar f’kull pajjiż Ewropew, inkluż f’Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fejn jidħlu l-vizzji fost studenti u adoloxxenti ninsabu fid-direzzjoni t-tajba, għax żdiedu l-għarfien u l-outreach fil-komunità.

Il-Ministru Falzon qal li fadal ħafna x’isir, għax il-vizzji huma kumplessi u għalhekk hemm bżonn ir-raġuni għala persuna tispiċċa bi problema ta’ vizzju, li aktarx tkun riżultat ta’ aljenazzjoni minn problemi personali, familjari jew oħrajn.

Għalhekk hemm bżonn ta’ riabilitazzjoni effettiva u li tindirizza mhux biss il-vizzju iżda anke l-fatturi kollha li jistgħu jwasslu għall-vizzju. Il-Ministru Michael Falzon semma l-investiment li qed isir fiċ-Ċentru tal-Ibwar, li fi ftit xhur oħra se jkun qed jilqa’ adoloxxenti taħt it-tmintax-il sena li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ droga.

Il-Ministru Michael Falzon saħaq li għandha tkompli tingħata attenzjoni mhux biss lejn l-użu tad-droga komuni, bħall-eroina u bħall-kokaina, iżda anke oħrajn ġodda u sintetiċi li qed jagħmlu ħsara kbira u fit-tul. 

Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda li rridu nwasslu l-messaġġ li kull tip ta’ vizzju huwa s-sors ta’ problema u mhux is-soluzzjoni, u appella biex min qed jiffaċċja problemi bħal dawn ifittex l-għajnuna fl-immedjat. Dan filwaqt li faħħar is-sehem strumentali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u l-fergħa tas-Sedqa li ta’ kuljum tassisti għexieren ta’ persuni bi problemi ta’ vizzji.

Ekonomija

Sport